Kultura Lokali

Passions – Wirja b’differenza mill-iskultur Joseph G. Scerri

Bħalissa fil-Banca Giuratale fir-Rabat Għawdex qed tittella’ wirja bl-isem ta’ Passions tal-iskultur Joseph G. Scerri. Passions hija wirja b’differenza għax qed tittratta l-passjonijiet tal-bniedem, inkluż ukoll il-passjonijiet tal-artist innifsu.

F’din il-wirja nsibu 17-il biċċa maħduma fit-terracotta u l-bronż f’dimensjoni li jvarjaw bejn il-45 ċentimetru u metru u nofs. L-artist ħadem dawn ix-xogħlijiet matul dawn l-aħħar sentejn, proprju wara tmiem il-wirja preċidenti fl-istess binja, tliet snin ilu.

F’uħud mix-xogħlijiet esebiti tidher tema li min jipprova jwassal il-verità, qed jiġi mwarrab u jieħu l-kundanna. L-iskultur Joseph G Scerri qed iwassal din it-tema bħala sens ta’ ribell kontra l-psewdo-storja li tant tingħad u tinkiteb.

Scerri, li għandu għal qalbu l-istorja u jqatta’ ħafna mill-ħin qalb il-volumi u d-dokumenti fl-arkivji, joħroġ it-tematika tal-passjonijiet mid-dokumenti tal-istorja bħal meta Ġużeppi Mattew Callus, tabib fl-isptar Santu Spirtu – fejn illum hemm l-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat – ħadha kontra l-Gran Mastru La Valette u ta’ dan ġie pproċessat, ikkundannat għall-mewt għal tradiment u magħlaq fuq is-Saqqajja, fir-Rabat fl-1561, ftit snin biss qabel l-Assedju l-Kbir. Il-każ ta’ Mattew Callus huwa evidenti f’wieħed mix-xogħlijiet esebiti.

Insibu wkoll figuri ta’ fratelli fejn il-karattru jixhed il-passjoni individwali tal-persunaġġ li jidher fih. Biċċa xogħol oħra titratta r-rgħiba ippersonifikata f’figura ta’ persuna ħoxna li taħtha qed iċedi bil-piż. Scerri jitratta wkoll il-karattru ta’ Ġaħan li fi Sqallija hu magħruf bħala Giufa’. Hawn tidher id-dimensjoni tal-influwenza Arbija madwar il-Meditterran li mhux biss xterdet mijiet ta’ snin ilu imma għadha ħajja f’imħuħ tan-nies.

It-tnedija tagħha seħħet is-Sibt li għadda, 4 ta’ April u mistennija li tibqa’ miftuħa sas-27 tax-xahar. Il-wirja hija imtella’ bil-kollaborazzji tad-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Għawdex u l-Ippjanar.