L-MEP Peter Agius ressaq emendi fil-Kumitat tas-Suq Intern tal-Parlament Ewropew bil-għan li jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-intrapriżi ż-żgħar u medji (SMEs) billi jindirizza l-abbuż sistematiku fid-direct orders li jingħataw f’Malta.
“Qabel l-elezzjoni wegħedt li ser niġġieled il-korruzzjoni b’metodi ġodda. Id-direct orders minn awtoritajiet pubbliċi f’Malta qed isiru għodda sistematika favur in-nies tal-qalba biss. Dan qed jolqot ħażin lill-imprendituri tagħna, speċjalment lill-SMEs, li jridu joffru prodotti u servizzi innovattivi u li jagħtu valur għall-flus”
L-emendi ppreżentati minn Peter Agius jinkludu tliet punti ewlenin li jindirizzaw nuqqasijiet kbar fir-regoli attwali.
Inssaħħu l-kumpaniji biex ikunu jistgħu jappellaw deċiżjonijiet dwar għoti ta’ kuntratti
Ir-regoli attwali tal-UE ma jipprovdux biżżejjed skrutinju fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi u lanqas ma jagħtu biżżejjed saħħa lill-SMEs biex jikkontestaw deċiżjonijiet dwar għoti ta’ kuntratti. Illum qed nagħmlu l-ewwel pass biex nibdlu r-regoli attwali: l-awtoritajiet se jkollhom jagħtu r-raġunijiet ġustifikati għala jagħtu direct orders flok joħorġu sejħa għall-offerti, u l-kumpaniji se jingħataw id-dritt li jkunu jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet biex il-flus mit-taxxi verament jintefqu b’mod effiċjenti.”
L-awtoritajiet iridu jagħtu raġunijiet dettaljati għaliex ma għamlux sejħa pubblika
L-ewwel proposta ta’ Agius hi dwar l-obbligu imperattiv fuq l-awtoritajiet pubbliċi biex jagħtu raġunijiet dettaljati għaliex qed jużaw l-ordnijiet diretti flok sejħa pubblika għall-offerti.
“Bħalissa l-awtoritajiet pubbliċi qed jużaw il-proċedura ta’ ordni diretta mingħajr ma jippubblikaw għaliex qed jagħżlu din il-proċedura. Meta jiġu mġiegħla jispjegaw quddiem il-qorti, ħafna drabi jinvokaw l-urġenza – li spiss tkun ikkawżata minnhom stess. Jiena qed nipproponi li l-awtoritajiet ikollhom jippubblikaw minn qabel ir-raġunijiet għal ordnijiet diretti. Dan iwassal għal aktar skrutinju pubbliku u aktar trasparenza fl-użu tal-fondi pubbliċi.”
Il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet għandha ssir ukoll fuq il-websajt tal-awtorità jew fuq bord ta’ avviżi pubbliċi – mhux biss fil-ġurnal uffiċjali – biex jiġi żgurat kuntatt aktar dirett mal-offerenti interessati.
Insaħħu l-aċċess għall-ġustizzja għall-SMEs
It-tielet proposta tal-MEP Agius hija biex isir iktar faċli l-aċċess għall-ġustizzja għal dawk l-offerenti li ma jintgħażlux waqt il-proċess ta’ tenders. Bħalissa, il-proċedura biex wieħed jappella deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt hija assoċjata ma’ ħlasijiet amministrattivi għoljin li jistgħu jilħqu sa €50,000 biss biex tibda r-reviżjoni.
“Jeħtieġ nagħtu s-setgħa lill-kumpaniji ż-żgħar biex jappella deċiżjonijiet pubbliċi irregolari. M’għandniex inweġġgħuhom b’miżati esaġerati. Għalhekk qed nipproponi li l-miżati biex wieħed jikkontesta deċiżjoni għandhom ikunu limitati għal 0.25% tal-valur tal-kuntratt, iżda mhux aktar minn €25,000. Din il-miżura tpoġġi l-awtoritajiet pubbliċi taħt skrutinju reali u effettiv fid-deċiżjonijiet tagħhom,” qal Agius.
Id-diskussjonijiet bejn il-MEPs fil-Kumitat tas-Suq Intern dwar Direttiva riveduta dwar l-Akkwist Pubbliku se jkomplu fix-xhur li ġejjin sal-ħarifa ta’ din is-sena, meta l-Kummissjoni Ewropea mistennija tippreżenta direttiva riveduta li tindirizza t-tħassib tal-MEPs u tieħu inkonsiderazzjoni l-feedback minn partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika li saret matul dawn l-aħħar xhur.
//= $special ?>