Pjazza Teatru Rjal għadu kemm nieda il-programm artistiku tiegħu għas-sajf tal-2025. Sew jekk ikun
wieħed mill-kunċerti spettakolari li tagħti l-orkestra residenti, il-Malta Concert Orchestra, kif ukoll jekk
tkun xi waħda mill-attivitajiet kulturali oħra, wieħed jista’ jibqa’ ċert li jistenna esperjenza unika grazzi
għal-livell artistiku għoli kif ukoll il-lokazzjoni miftuħa unika ta’ Pjazza Teatru Rjal.
L-istaġun sajfi jibda fid-19 ta’ Mejju b’serata ta’ maġija, Wonders of the Mind. Hawnhekk l-udjenza
ser ikollha l-opportunità li ssegwi wieħed mill-aqwa illużjonisti Maltin, Vanni Pulé, mill-viċin fl-ambjent
intimu tal-Green Room ta’ Pjazza Teatru Rjal. Wara s-suċċess kbir tas-sena l-oħra, fit-30 u l-31 ta’ Mejju Buskerfest tirritorna bit-tieni edizzjoni b’żewġ serati mimlija talent fuq il-podium ta’ Pjazza Teatru Rjal li, għal darb’oħra, ser ikun qed iservi ta’ pont billi jgħaqqad id-dinja ‘elitista’ tat-teatru mad-dinja aktar ‘popolari’ tat-triq.
Il-palk ta’ Pjazza Teatru Rjal sar sinonimu ma’ spettakli ta’ żfin tal-ogħla livell. Din is-sena mhux ser
tkun eċċezzjoni hekk kif Pjazza Teatru Rjal ikkummisjona spettaklu taż-żfin speċifikament għal dan l-istaġun, u b’hekk ikompli jwettaq b’mod prattiku l-filosofija tat-tmexxija tat-teatru li tagħti
opportunitajiet lil talent ġdid Malti. Għaldaqstant, il-grupp Concept of Movement (THE MVMT),
rebbieħ ta’ diversi konkorsi ta’ żfin lokali u anke internazzjonali, ser ikun qed itella’ Monotonija fl-4 ta’
Lulju fuq koreografija ta’ Cheryl Lofreda.
Kull bidu fih it-tmiem u, wara tour internazzjonali ta’ 20 sena sħaħ, Igudesman & Joo ser ikunu qed
jagħmlu l-aħħar spettakli tagħhom matul l-2025. Wara s-suċċess li kellhom Malta fl-2018, dan id-duo
sensazzjonali ser ikunu qed itellgħu IGUDESMAN & JOO: CODA – The Final Nightmare Music. Pjazza Teatru Rjal huwa kburi li ser ikun qed jilqa’ fuq il-palk tiegħu għall-aħħar darba lil dawn il-mużiċisti
bravissimi, li għarfu jżewġu l-kapaċità mużikali tagħhom mal-komiċità, f’waħda mill-aħħar dehriet
pubbliċi tagħhom. Għalkemm daqsxejn diffiċli tantiċipa biex ser joħorġu, wieħed jista’ jkun ċert li ser
jattendi għal esperjenza unika u divertenti.
Din is-sena, bħal dejjem, il-Malta Concert Orchestra għandha ħafna x’toffri. L-ewwel appuntament
huwa għall-20 ta’ Ġunju b’Noche Latina, spettaklu ta’ mużika u ritmi Latini taħt id-direzzjoni ta’
Maestro Ryan Paul Abela. Fil-11 ta’ Lulju l-orkestra ser teħodna lura fil-passat f’Baroque Fantasy. Taħt
it-tmexxija tas-surmast Taljan Maurizio Colasanti, l-orkestra ser tkun qed iddoqq mużika Barokka
mħallta ma’ strumenti mid-dinja tar-Rock f’serata tassew unika. Fil-25 ta’ Lulju, il-Malta Concert
Orchestra mmexija minn Maestro Matthew Bugeja, ser tkun qed ittella’ A tribute to ABBA permezz
ta’ mużika minn dan il-grupp leġġendarju Żvediż.
Fit-8 ta’ Awwissu ser inkunu qed ingawdu kunċert ta’ mużika Naplitana permezz tal-Malta Concert
Orchestra taħt it-tmexxija ta’ Maestro Dario Salvi. Fost is-siltiet li ser jindaqqu f’Notte Napoletana
nsibu O Surdato Nnamurato, O Sole Mio, Funiculì Funiculà, Granada, Core ’Ngrato, Arrivederci Roma
u ħafna aktar kanzunetti li jfakkruna fil-kuluri u l-ispirtu ta’ din il-belt Taljana. Aktar tard fl-istess xahar,
wara domanda kbira mill-pubbliku, Pjazza Teatru Rjal ser jerġa’ jilqa’ lill-ikona tal-pop Taljan Pupo li ser
ikun akkumpanjat mill-Malta Concert Orchestra taħt it-tmexxija ta’ Maestro Joe Brown. Din is-sena
mifrux fuq tliet serati – fil-21, 22 u 23 ta’ Awwissu – Notte Italiana con PUPO ser ikun qed jinawgura
F’Settembru ser ikun hemm l-aħħar żewġ kunċerti tal-Malta Concert Orchestra. Fit-12 ta’ Settembru,
taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Raymond Zammit, l-orkestra ser ittella’ 80’s Night b’suċċessi kbar bħal
Africa, One moment in time, Radio Gaga, Rocket man, u All night long fost l-oħrajn. Fis-26 ta’
Settembru, taħt il-bakketta ta’ Maestro Joe Brown, l-orkestra ser teħodna fid-dinja taċ-ċinema
permezz ta’ A Night at the Movies fejn ser jiġu interpretati kanzunetti li jvarjaw minn films klassiċi
bħal Pretty Woman, An Officer and a Gentleman, u Dirty Dancing sa blockbusters aktar reċenti bħal
Aladdin, Frozen u Zootopia.
Għal aktar informazzjoni ’ wieħed jista’ jżur is-sit tat-teatru www.pjazzateatrurjal.mt jew il-mezzi
soċjali tat-teatru.