Raġel ta’ 44 sena, li ilu arrestat minn Novembru 2024 fuq akkużi ta’ traffikar ta’ ‘l fuq minn 146 kilo kokaina li nqabdu mill-pulizija fil-Port Ħieles fl-istess xahar, ingħata l-libertà proviżorja. Roderick Camilleri, minn Birżebbuġa, qed jiffaċċja akkużi kriminali flimkien ma’ Darren Dimech ta’ 46 sena mill-Fgura. Huwa qed iwieġeb mhux ħati ta’ traffikar u importazzjoni tad-droga.
Iż-żewġt irġiel ġew arrestati s-sena li għaddiet wara li l-pulizija sabu 146 kilogramma ta’ kokaina, b’valur tat-triq stmat ta’ €20 miljun, moħbija f’kontejner li kien qed jittrasporta xkejjer ta’ buttuni imtaqqbin. Il-prosekuzzjoni ilha toġġezzjona li Camilleri jingħata l-libertà proviżorja, minħabba l-biża’ li l-akkużat ibagħbas l-evidenza peress li l-pulizija għadha qed tinvestiga lil ħaddieħor b’rabta mal-każ.
L-Erbgħa, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo tat il-ħelsien mill-arrest lil Camilleri wara li qieset l-istadju li fih kienu l-proċeduri u ċ-ċirkustanzi tal-każ. Il-qorti osservat li n-natura tar-reat waħedha ma kinitx biżżejjed biex tiċħad il-libertà proviżorja.
Il-Qorti qalet li kellha ssib bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużat u l-interessi tal-istat biex tinvestiga reati b’mod effettiv, speċjalment f’każijiet li huma serji u kumplessi, bħal f’dan. “Il-Qorti hija tal-fehma li l-akkużat ma jistax jibqa’ f’kustodja preventiva biss għax il-prosekuzzjoni għadha qed tinvestiga l-każ.
“Iktar u iktar meta l-prosekuzzjoni għandha d-dmir li tħaffef l-investigazzjoni tagħha peress li tibża’ li jista’ jkun hemm tbagħbis tal-evidenza,” qalet il-qorti, qabel ma tat lir-raġel il-libertà proviżorja. Camilleri ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €35,000 u garanzija personali ta’ €55,000.
Huwa kien mitlub jiffirma l-ktieb l-Għassa kuljum, u ġie impost fuqu curfew. Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Qorti tat il-libertà proviżorja lil Kurt Scicluna ta’ 31 sena, li tressaq il-Qorti wara Camilleri u Dimech. Scicluna allegatament daħħal fil-kredu lil Camilleri wara li ltaqgħu f’bar f’Bulebel, fejn dawn tal-aħħar kienu regolarment jidħlu għal snack.
Scicluna kien allegatament ippropona l-ftehim li bih Camilleri kellu “jieħu xi ħaġa mill-Port Ħieles”. L-avukati tal-AĠ Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri qed imexxu prosekuzzjoni flimkien mal-ispetturi tal-pulizija Mark A Mercieca, John Leigh Howard u Francesco Mizzi. L-avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia assistew lil Camilleri.
//= $special ?>