Knisja Lokali

Sessjonijiet ġodda dwar il-mużika sagra f’kollaborazzjoni ma’ esperti internazzjonali

Għadd ta’ sessjonijiet li jesploraw varjetà ta’ suġġetti prattiċi u mużikoloġiċi qed jiġu mnedija mill‑Akkademja tal‑Mużika Sagra Francesco Azopardi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta f’kollaborazzjoni mal‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali. Dawn se jipprovdu opportunità għal mużiċisti, studjużi, diretturi u membri ta’ korijiet biex jidħlu iktar fil‑fond fl‑għarfien tagħhom u jiżviluppaw aktar il‑ħiliet tagħhom fil‑mużika sagra. 

Is‑sessjonijiet, li se jsiru bl‑Ingliż, huma appoġġjati mill‑Artist Residency Programme tad‑Direttorat tal‑Kultura. L‑oqsma li se jiġu mgħallma huma: Introduction to Gregorian Chant, Conducting for Maestri di Cappella, Introduction to Sacred Polyphony, Choral Singing Techniques for Adult Voices, u The Art of Interpreting Gregorian Chant.

L‑esperti li se jagħtu dawn is‑sessjonijiet ta’ taħriġ mużikali huma professuri u akkademiċi minn istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom mill‑Cappella Musicale del Duomo ta’ Milano, l‑Akkademija AERCO ta’ Bologna, u mill‑Università ta’ Almeria fi Spanja.

Is‑sessjonijiet se jsiru darba fix‑xahar minn Mejju sa Novembru 2025.

Aktar dettalji dwar is‑sessjonijiet individwali u r‑reġistrazzjoni jinsabu fuq pfi.edu.mt/masterclasses.

L‑Akkademja tal‑Mużika Sagra Francesco Azopardi

L‑Akkademja tal‑Mużika Sagra Francesco Azopardi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta toffri varjetà ta’ korsijiet maħsuba biex ittejjeb il‑ħiliet u l‑għarfien ta’ persuni involuti fil‑ministeru tal‑mużika fil‑Knisja.

L‑Akkademja hija msemmija wara l‑kompożitur u pedagogu Malti Francesco Azopardi (1748‑1809), li kien fost l‑ewwel li poġġa lil Malta fuq il‑mappa internazzjonali tal‑mużika.

L‑Akkademja tikkollabora ma’ istituzzjonijiet internazzjonali magħrufa fil‑qasam tal‑mużika korali sagra bħal Cappella Musicale del Duomo di Milano – l‑eqdem kor tal‑katidral fl‑Ewropa – u l‑Accademia AERCO (Associazione Emiliano‑Romagnola Cori) li tinkludi 246 kori assoċjati minn madwar ir‑reġjun ta’ Emilia‑Romagna fl‑Italja.

Aktar dettalji fuq il‑korsijiet offruti mill‑Akkademja jinsabu fuq asm.mt.