Il-boroż u s-swieq tad-dinja ħadu daqqa kbira ‘l isfel meta, fl-aħħar sigħat, daħlu uffiċjalment fis-seħħ it-tariffi storiċi imposti mill-Istati Uniti ta’ Donald Trump…Tariffi li, skont Washington, għandhom ‘jibbilanċjaw il-miżien’ mal-pajjiżi meqjusa li, tul is-snin, kellhom surplus favur tagħhom fejn jidħol il-kummerċ dirett mal-Istati Uniti.
Mistenni wkoll li l-ekonomija tad-dinja se tkompli titheżżeż b’konsegwenza ta’ dawn it-tariffi matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin u meta Trump qed jidher inflessibbli b’din il-politika li allarmat mhux ftit lill-ekonomisti u esperti oħra f’dan il-qasam.
U waqt li l-Unjoni Ewropea qed tħejji diversi forom ta’ tweġiba għall-Istati Uniti (sa ftit ilu alleat affidabbli) iċ-Ċina qed tieħu l-passi deċiżivi f’din il-‘gwerra tat-tariffi’ li qed jinsisti biha l-President Amerikan….Strateġija li wkoll qed tħalli impatt negattiv partikulari għas-swieq tal-Ewropa.
Fil-fatt, u wara li Donald Trump impona tariffa ta’ 104 fil-mija għall-prodotti taċ-Ċina li jidħlu l-Istati Uniti, il-Gvern komunista f’Beijing irritalja b’tariffa ta’ 84 fil-mija għall-prodotti tal-Amerikani li qegħdin jidħlu f’pajjiżu.
It-tariffa taċ-Ċiniżi, bla dubju, hi ogħla mit-tariffa tal-34 fil-mija li Beijing kien diġà impona fuq l-Istati Uniti b’riżultat tal-‘intransiġenza u l-bullying’ ta’ Trump u l-Gvern tiegħu. U l-messaġġ xott u skjett taċ-Ċina hu li ‘Beijing mhux beħsiebu jirtira pass fil-konfront tal-Amerikani’.
L-osservaturi qalu li kull kumpannija Amerikana li tixtieq li tinvesti fis-suq Ċiniż se tħoss ukoll l-impatt kbir tas-sitwazzjoni xejn sabiħa għad-dinja. Dan meta ftit huma l-kumpanniji li jaffordjaw li jibqgħu esklużi minn suq daqstant enormi u l-konsegwenzi bilfors iridu jinħassu bil-kbir anki fis-swieq tal-Istati Uniti.
.Sadanittant, l-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, ikkonfermat it-tariffi għoljin – u mill-aktar problematiċi – għal 60 pajjiż li, kif qed jgħid Trump, ‘ilhom jieħdu vantaġġ mill-Amerikani’ f’issues relatati mal-importazzjoni u l-esportazzjoni….Tariffi li anki se jħallu impatt ħażin ħafna għas-swieq tax-xogħol madwar id-dinja.
Dan waqt li Donald Trump qed jiftaħar li l-akbar pajjiżi tad-dinja qed jitfixklu f’saqajhom biex jinnegozjaw miegħu u jaslu għal forma ta’ ftehim li tnaqqas mill-impatt tat-tariffi. Intant, hu sostna li t-tariffi imposti minnu qed jissarrfu ‘fi dħul għall-Istati Uniti kalkulat bħala aktar minn żewġ biljun dollaru kuljum’.
Sadanittant, Donald Trump, fl-ewwel kummenti wara l-impożizzjoni tat-tariffi ġodda, ħeġġeġ biex in-negozji u intrapriżi kbar madwar id-dinja jirrilokaw lejn l-Istati Uniti ‘fl-aqwa żmien għalihom biex jagħmlu pass ta’ dan it-tip’.
Fl-aħħar sigħat, is-swieq tal-Ewropa komplew jgħoddsu b’riżultat tas-sitwazzjoni – ‘standoff’ – bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina li bla dubju huma l-akbar żewġ ekonomiji tad-dinja. Sadanittant, l-investituri qed jibdew ibiegħu il-bonds investititi fil-Gvern Amerikan għat-tul taż-żmien…Pass storiku u inkredibbli peress li dawn il-bonds minn dejjem kienu kunsidrati bħala assi ‘sikuri u ta’ valur partikulari’ għall-investitur.
//= $special ?>