Riċerka intensiva li saret mill-Università ta’ Malta fl-aħħar snin bidlet l-istorja ta’ pajjiżna kif konna nafuha qabel ta’ taħt fuq. Dan għaliex ir-riċerka li saret ma tieqafx biss mal-ewwel bdiewa li ġew Malta daqs 7,500 sena ilu, iżda tmur fejn iktar lura milli qatt ħsibna.
Fil-fatt, riċerka li saret minn tim ta’ nies taħt id-direzzjoni tal-Professuri Eleanor Scerri u Nicholas Vella mill-Università ta’ Malta pprovat li kienu proprju kaċċaturi-ġabbara l-ewwel li rifsu fuq l-artijiet Maltin u mhux il-bdiewa. Bl-istorja issa tmur lura elf sena oħra, b’dawn il-kaċċaturi-ġabbara kapaċi ġew f’pajjiżna madwar 8,500 sena ilu.




Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo
Dawn l-umani possibbilment kienu wħud mill-aħħar nies li għexu qabel iż-Żmien tas-Silġ. U biex ġew f’pajjiżna ma kinitx xi ħaġa faċli meta tikkunsidra kemm l-iżvilupp tal-bniedem kien għadu lura.
Fil-fatt, dawn kellhom jagħmlu mill-inqas 100 kilometru biex qasmu minn Sqallija lejn il-Gżejjer Maltin fuq kenura magħmul minn zokk oħxon ta’ siġra li naqxu huma stess biex setgħu jbaħħru bilmod il-mod b’madwar 3 jew 4 kilometru fis-siegħa.
Sitwazzjoni li qed tkun meqjusa bħala waħda kważi impossibli meta tqis il-kurrenti u d-direzzjonijiet tar-riħ li jżommuk milli taqsam għad-dritt, u jekk se taqdef fid-dlam jirrikjedi għarfien tajjeb tal-istilel sabiex tkun kapaċi tinnaviga permezz tal-użu ta’ marki fil-pajsaġġ. Dan hekk kif, mill-livell tal-ilma, Malta u Sqallija ma jarawx lil xulxin. U dan qed iqajjem il-mistoqsija: Jekk il-kaċċaturi-ġabbara kienu kapaċi jagħmlu dan anke f’nofs ta’ lejl, fi dlam ċappa għal sigħat sħaħ, x’aktar kienu kapaċi jagħmlu?
Din is-sejba ġabet magħha ħafna mistoqsijiet li qatt qabel fid-dinja ma ġew mistoqsija, fosthom l-għaliex dawn il-kaċċaturi-ġabbara baħħru u għexu fuq gżira żgħira meta huwa, jew aħjar kien, fatt magħruf li dawn kienu jippreferu jikkaċċjaw u jiġbru l-ikel fuq medded kbar.
U b’hekk pajjiżna kien jaħseb li meta ġew l-ewwel bdiewa f’Malta sabu ambjent li kien għadu ma ntmessx mill-bniedem, għalkemm din ir-riċerka issa qed turi mod ieħor. B’dawn l-iżviluppi ġodda juru kif il-kaċċaturi-ġabbara kienu jgħixu proprju fl-Għar tal-Latnija, fil-Mellieħa, fejn saru skoperti arkeoloġiċi dwar il-preistorja ta’ Malta.
Fuq medda ta’ ħames snin, il-proġett li wassal għal dawn l-iżviluppi ġodda għamel użu minn metodi xjentifiċi mill-aktar moderni li permezz tagħhom setgħu isiru l-iskavi dettaljati fuq is-sit tal-Latnija. L-istudju wera li kien hawn preżenza umana f’Malta tal-inqas 8,500 sena ilu, u li dawn in-nies kienu jgħixu fuq dieta ta’ ikel salvaġġ li kien jinkludi għasafar, mammiferi tal-baħar, ħut u speċi lokali ta’ frieken u ċrief. Warajhom ħallew fuklari u depożiti ta’ rmied li fihom hemm il-fdalijiet tal-ikel imsajjar u ta’ għodod tal-ġebel.
B’dawn il-kaċċaturi-ġabbara kienu kapaċi jisfruttaw ir-riżorsi kemm mill-baħar u anke mis-sema biex
irnexxielhom jegħlbu l-limitazzjonijiet tal-qies tal-art. Dan apparti li użaw il-ġebla lokali biex jagħmlu l-għodod tal-ħaġar.
U filwaqt li qabel konna nemmnu li l-annimali kollha li nassoċjaw ma’ Għar Dalam kienu ġew estinti qabel wasal l-ewwel bniedem f’Malta, dan ġie ppruvat li mhux minnu hekk kif il-kaċċaturi-ġabbara Mesolitiċi, fil-fatt, għexu ma’ dawn l-istess speċi, fosthom il-volpijiet, ċrief ħomor u fkieren.






Riċerka li issa mhux biss bidlet l-istorja ta’ pajjiżna iżda qed toħloq effett fuq id-dinja kollha. Dan l-għaliex filwaqt li post Malta fil-preistorja Neolitika huwa wieħed insulari ħafna, u mhux dejjem marbut mad-dinja ta’ madwarna, jista’ jkun li għandna sitwazzjoni opposta fil-każ tal-Mesolitiku hekk kif din l-iskoperta torbot lil Malta mal-preistorja umana b’mod ħafna aktar profonda. B’Malta issa titpoġġa fl-għeruq tal-istorja tal-bniedem.
U b’hekk dan ifisser ukoll li l-kurrikulu tal-iskejjel f’pajjiżna se jkollu jinbidel u jiġi adattat għall-istudenti li jistudjaw l-istorja ta’ Malta għaliex qabel in-Neolitiku issa ġie miżjud il-perjodu tal-Mesolitiku.
Ir-riċerka ġiet iffinanzjata mill-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, u rċeviet għotja għall-Eċċellenza fir-
Riċerka mill-Università ta’ Malta. Bir-riċerka mhix se tkun qed tieqaf hawnhekk għaliex iż-żewġ Professuri Maltin diġà lesti sabiex ikomplu jindagaw x’possibilment seta’ seħħ f’pajjiżna qabel 8,500 sena ilu, proprju qabel il-preżenza ta’ dawn il-kaċċaturi-ġabbara.
Bl-Għar tal-Latnija kapaċi ssir sit storiku ta’ Wirt Dinji fil-futur qarib.
