Lokali Qorti

€7,000 fi flus kontanti u dokumenti bankarji nstabu fi tfittxija fuq il-jott ta’ Yorgen Fenech

Il-Pulizija sabet dokumenti bankarji, €7,000 fi flus kontanti, iPhone u laptop fuq il-jott ta’ Yorgen Fenech wara l-arrest tiegħu fl-2019. Tliet uffiċjali taw rendikont fil-Qorti dwar it-tfittxijiet tagħhom fuq il-jott, id-dar u l-uffiċċju. Fenech qed jistenna ġuri għal konfoffa fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Saru tliet tfittxijiet fuq proprjetajiet ta’ Yorgen Fenech bħala parti mill-investigazzjoni marbuta ma’ 17 Black, intqal fil-Qorti. Preċedentement ġiet konkluża inkjesta maġisterjali u rrakkomandat li Keith Schembri u Konrad Mizzi Yorgen Fenech, Paul Apap Bologna u Mario Pullicino għandhom jiġu akkużati fuq pjanijiet biex jirċievu flus mingħand il-kumpanija ta’ Dubai 17 Black proprjetà ta’ Fenech.

L-inkjesta kienet mitluba mill-Eks Kap tal-PN Simon Busuttil u l-MEP tal-PN David Casa wara li ġurnalisti żvelaw kif €1.3 miljun ġew trasferiti f’17 Black. Fi Frar li għadda, il-Maġistrat Rachel Montebello ddeċidiet li hemm biżżejjed provi prima facie biex l-akkużat jiffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus.

Waqt is-seduta tal-Erbgħa xehed l-Ispettur Kevin Pulis li fl-20 ta’ Novembru 2019, li qal li saru tliet tfittxijiet fil-proprjetà ta’ Yorgen Fenech. Waqt l-ewwel tfittxija li saret fuq id-dgħajsa ta’ Fenech bl-isem “Gio”, ċerti dokumenti, mobile, iPhone iswed XS MAX, laptop, u €7,000 fi flus kontanti ġew elevati u ssiġillati f’boroż tal-provi.

Dawn imbagħad ġew mgħoddija lill-espert tal-qorti maħtur għall-eżami. Hu kien akkumpanjat minn żewġ uffiċjali oħra tal-pulizija u nies oħra mit-taqsima tal-kriminalità forensika. Ir-residenza ta’ Fenech f’Portomaso u uffiċċju li jinsab fit-Torri ta’ Portomaso kienu wkoll suġġetti għal tfittxijiet.

Pulis qal lill-Qorti li malli wasal fl-uffiċċju ta’ Fenech, il-kontrollur finanzjarju tal-kumpanija għarrafhom li Fenech kien irriżenja minn azzjonist minn Tumas Group. Mill-post ġew elevati ammont sostanzjali ta’ dokumenti u moijel ieħor ta’ Fenech.

L-Ispetturi Christopher Saliba u Kyle Zammit xehdu wkoll dwar it-tfittxijiet li saru fir-residenza, id-dgħajsa, u l-uffiċini ta’ Fenech. Schembri u Mizzi diġà qed jiffaċċjaw akkużi separati dwar korruzzjoni fil-ftehim tal-isptarijiet Vitals. Fenech qed jistenna wkoll ġuri fuq l-allegat involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-każ ġie differit għall-14 ta’ Mejju.

L-Avukati Stephen Tonna Lowell, Edward Gatt, Mark Vassallo, Giannella De Marco, Gianluca Caruana Curran, Charles Mercieca u Kathleen Calleja Grima qed jidhru għall-akkużat.