Lokali Qorti

100 siegħa xogħol fil-kommunità għal żewġ żgħażagħ li darbu gravi erba’ taħt l-età

Żewġ żgħażagħ li lura f’Diċembru li għadda ammettew li darbu gravi erba’ żgħażagħ fi ġlieda fil-parkeġġ ta’ Gianpula, li seħħet fis-sigħat bikrin tas-26 ta’ Ottubru ġew ordnati mill-Qorti jagħmlu 100 siegħa ta’ xogħol fil-kommunità. Huma ngħataw ukoll probation għall-perjodu ta’ tliet snin kull wieħed.

Il-vittmi kollha kellhom inqas minn 18-il sena. Tnejn minnhom weġġgħu serjament, b’wieħed minnhom ikollu bżonn kirurġija korrettiva minħabba ksur f’imnieħru u ġrieħi oħra taħt l-għajnejn. Kienu erba’ adoloxxenti, kollha ġuvintur li kienu tressqu l-Qorti u ffaċċjaw akkużi identiċi.

Filwaqt li tnejn minnhom ta’ 17 u 19-il sena, wieġbu ħatja, it-tnejn l-oħra, ta’ 18-il sena, ċaħdu l-akkużi. Fil-Qorti ħareġ li 12-il siegħa wara l-ġlieda wieħed mill-vittmi mar l-għassa tas-Siġġiewi mal-ġenituri tiegħu biex jirrapporta l-każ. Ma marx qabel għax kellu bżonn assistenza medika l-isptar.

Il-Maġistrat Monica Vella kienet tat il-libertà proviżorja sakemm tingħata s-sentenza għat-tnejn li wieġbu ħatja, u imponiet curfew bejn l-10pm u s-6am. L-akkużati kienu ġew ordnati wkoll jiddepożitaw €500 u garanzija personali ta’ €3,000 kull wieħed.

Il-Qorti qalet li fis-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2024, l-imputati irregistraw ammissjoni inkondizzjonata għall-akkużi kollha migjubin fil-konfront tagħhom. Waqt li ngħataw il-ħin biex jikkonsidraw l-ammissjoni tagħhom huma kkonfermaw il-ħtija.

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt illi l-imputati huma t-tnejn ta’ età tenera u għandhom fedina penali netta. Il-Maġistrat Monica Vella qalet li tawgura li dan l-inċident jibqa’ wieħed iżolat u li l-imputati ma jerġgħux ixellfu difrejhom mal-ġustizzja. Il-Qorti sostniet li tenut kont taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tqis illi piena karċerarja mhix idoneja f’dan il-każ,

Il-Qorti qalet ukoll li hija tal-opinjoni li l-imputati għandhom jagħmlu servizz bla ħlas fil-komunità sabiex jagħtu lura lis-soċjeà  biex jikkumpensaw għall-ħsara li għamlu. L-avukat tal-AĠ Jurgen Dalli u l-Ispettur James Mallia mexxew il-Prosekuzzjoni.

L-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Dustin Camilleri, Nicholas Mifsud, Charlon Gouder u Ramona Attard assistew lill-akkużati, dawk li ammettew u dawk li wieġbu mhux ħatja fejn il-każ tagħhom għadu għaddej.