Lokali

AĠĠORNATA: Tmut wara li ħalliet il-handbreak imniżżel, bil-karozza tagħha stess ittajjarha

Mara tilfet ħajjitha wara li spiċċat imtajra mill-karozza tagħha fi Triq l-Arċisqof Romero, kantuniera ma’ Triq Birkirkara, f’San Ġiljan.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5:30 pm, b’rapporti qed jgħidu li l-mara ħalliet il-handbreak imniżżel, b’riżultat li l-karozza niżlet lura għal fuqha u spiċċat maqbuda taħtha.

Jidher li l-mara ta’ 38 sena, residenti San Ġiljan stess, provat twaqqaf il-karozza milli timxi minn postha hekk kif fiha kien hemm bintha stess ta’ sitt snin. L-attentati tagħha rriżultaw f’dan l-inċident sfortunat.

Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex jagħti l-ewwel għajnuna iżda sfortunatament l-isforzi tagħhom kienu kollha għalxejn hekk kif il-mara ġiet iċċertifikata mejta fil-post.

Jidher li t-tifla ma sofriet mill-ebda ġrieħi.

Il-Maġistrat Anton Agius Bonnici, flimkien ma’ għadd ta’ esperti li ħatar, qed jinvestigaw l-inċident biex jikkonfermaw id-dinamika ta’ dan il-każ.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo

Segwi d-dettalji kollha mogħtija mill-Kelliem għall-Pulizija, Brandon Pisani f’din il-ħolqa: https://www.facebook.com/reel/1750525042172677