Raġel Malti ta’ 34 sena nżamm arrestat wara li l-Ħamis kien akkużat fil-Qorti ta’ Għawdex li stupra lill-bintu taħt l-età. L-allegata vittma għandha 16-il sena. Ir-raġel, li ma jistax jissemma b’ordni tal-Qorti, kien akkużat ukoll li kkorrompa lill-minuri, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minorenni u li kkaġuna lil bintu biża’ mill-vjolenza.
Ir-raġel, li qal li jaħdem bħala xufier u kaħħal, ċaħad l-akkużi kollha miġjubin kontrih. Il-Qorti kienet ppreseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana. L-allegat każ seħħ madwar xahar ilu f’Għawdex. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża talbet għal divjett fuq l-ismijiet tal-akkużat u anke tal-minuri filwaqt li talbet ukoll divjett fuq il-mertu tal-każ. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li ma kinitx qiegħda toġġezzjona li jkun hemm divjett fuq l-ismijiet, iżda oġġezzjonat li jkun hemm divjett fuq il-mertu tal-każ.
Wara li semgħet il-partijiet il-Maġistrat Sultana laqgħet it-talba tad-divjett fuq l-ismijiet iżda ċaħdet it-talba għal divjett f’dak li jirrigwardja l-mertu tal-każ. Id-Difiża mbagħad għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat fejn argumentat li l-allegata vittma hi bintu u mhux terzi persuni.
Ħareġ li waqt l-investigazzjonijiet diġà ttieħdu l-verżjonijiet tal-akkużat, tal-allegata vittma u anke ta’ ommha u għalhekk qalet id-difiża ma hemmx biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi. Qalet li dan l-allegat każ seħħ aktar minn erba’ ġimgħat ilu u tant kemm għadda żmien li lanqas kien hemm lok għal inkjesta maġisterjali biex jiġu preżervati l-provi.
Id-Difiża argumentat li t-testijiet mediċi kollha li kien hemm bżonn isiru, saru. Barra minn hekk, id-Difiża qalet biex il-Qorti jkollha moħħha mistrieħ, l-akkużat lest li jibqa’ jgħix f’Għawdex stess u hemm persuna li lesta żommu magħha. Qalet li b’dan il-mod jista’ jkun hemm serħan il-moħħ minħabba li l-allegat vittma u ommha jgħixu f’Malta.
L-avukati difensuri qalu li l-akkużat ma kellux aċċess regolari ma’ bintu u kien fil-bidu ta’ din is-sena li reġa’ beda jaraha f’ħinijiet limitati. Il-Qorti staqsiet lid-difiża dwar l-impjieg tal-imputat, bid-Difiża tgħid li l-klijent tagħha għandu żewġ impjiegi, wieħed full time u l-ieħor part time għal rasu.
Qalet li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest u jgħix Għawdex, ix-xogħol full time jista’ jieħu leave bla ħlas filwaqt li jaħdem ix-xogħol part time f’Għawdex stess. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li kienet qiegħda toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest sakemm tinstema’ x-xhieda tal-allegata vittma u ta’ ommha.
Dwar l-argument li l-allegat każ seħħ erba’ ġimgħat ilu, il-Prosekuzzjoni qalet li t-tifla fetħet qalba mal-‘guidance teache’r li min-naħa tagħha ħeġġitha biex tgħid lil ommha jew lil xi ħadd li tafda. Dakinhar stess, qalet il-Prosekuzzjoni, it-tifla marret tgħid kollox lil ommha u mill-ewwel marru jagħmlu rapport l-għassa fejn skattat l-investigazzjoni.
Dwar l-argument tad-difiża li l-akkużat kellu ftit kuntatt ma’ bintu, il-Prosekuzzjoni qalet li hu kien iżomm kuntatt sew magħha u dan jixhdu numru ta’ messaġġi li l-imputat bagħat lil bintu fuq whatsapp. Il-Prosekuzzjoni qalet li fil-passat l-imputat kellu diversi każi ta’ vjolenza domestika li anke kien tressaq il-Qorti fuqhom.
Hawn id-Difiża argumentat li fl-ebda wieħed minn dawn il-każ, l-imputat qatt ma nstab ħati. Wara li semgħet liż-żewġ partijiet, il-Qorti ordnat li l-imputat jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.
L-avukat tal-AĠ Ramon Bonett Sladden mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mal-ispettur tal-pulizija Mario Xiberras. L-avukati Jonathan Mintoff u Larry Formosa dehru għall-akkużat.
//= $special ?>