Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista jwitti t-triq biex negozji tal-familja jkomplu jinvestu f’pajjiżna

Il-Kap tal-PN Bernard Grech ikompli bil-laqgħat mal-ħaddiema f’Għawdex; iżur il-kumpaniji Magro Brothers u Gozo Graphics

Il-ħidma, l-għaqal u l-għatx għall-innovazzjoni huma l-ingredjenti li minn ħolma żgħira jagħġnu intrapriżi ta’ suċċess.

Din hi l-istorja tal-familja Magro li tul aktar minn 100 sena ttrasformaw ħolma f’intrapriża li tagħmel ġieħ mhux biss lilhom imma wkoll lil isem Għawdex u Malta madwar id-dinja.

F’aktar żjarat fost il-ħaddiema bħala parti minn programm ta’ żjarat għal Jum il-Ħaddiem 2025, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mas-Shadow Ministers Chris Said, Joe Giglio u Toni Bezzina, u l-kandidati tal-PN f’Għawdex Norma Camilleri, Beppe Galea, Frank Anthony Tabone u Luke Said żaru l-ħaddiema tal-kumpanija Magro Brothers u l-fergħa tal-artiġjanat tagħhom Savina f’Għawdex.

Din il-kumpanija – li llum kibret ferm, imma baqgħet iżżomm ħajja l-passjoni għal dak li hu ġenwin – irnexxielha wkoll tiddiversifika u tilħaq swieq barranin li llum qed jagħżlu prodott Għawdxi fuq oħrajn minn pajjiżi oħra.

L-innovazzjoni tal-familja Magro mal-medda taż-żmien kien ingredjent indispensabbli għas-suċċess tal-kumpanija li llum tħaddem aktar minn 230 persuna. 28 raħħal jissupplixxu lill-kumpanija bi frott arthom li jinħadem b’makkinarju li fih il-kumpanija investiet tul is-snin biex fl-aħħar dawn il-prodotti jaslu mhux biss fuq l-imwejjed tagħna imma anke fuq l-ixkafef ta’ supermarkets ewelenin barranin.

Il-familja Magro għarfet tinvesti wkoll f’Savina, fergħa li tispeċjalizza fi prodotti artiġjanali li sabu suq kemm lokalment kif ukoll barra minn pajjiżna.

L-istorja ta’ Magro Brothers żgur li ma tiqafx hawn hekk kif il-kumpanija qed tkompli tinvesti biex fi żmien tliet snin tirdoppja l-produzzjoni tagħha.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li dan kollu hu xhieda ta’ sa fejn jistgħu jwasslu l-għaqal u l-passjoni ta’ min jemmen verament fil-prodott jew l-idea tiegħu. Il-ħaddiem li jrid jikber u jiffjorixxi se jsib dejjem lill-Partit Nazzjonalista ta’ spalla biex ikompli jixprunah sakemm jilħaq il-milja tiegħu.

Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti fl-infrastruttura biex titjieb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, mhux biss għall-passiġġieri imma wkoll għall-merkanzija biex kemm in-negozju bejn iż-żewġ gżejjer, kif ukoll l-importazzjoni u l-esportazzjoni, ikunu aktar faċli u effiċjenti.

Dan kollu hu parti minn pjan ekonomiku ġdid ta’ eċċellenza li permezz tiegħu Gvern Nazzjonalista jkun jista’ jwitti t-triq biex kull min ikun irid jibni l-intrapriża tiegħu ma jsibx xkiel jew burokrazija żejda li ttellfu ħin prezzjuż.

Jekk mhux se ninvestu fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, ikun ifisser li rridu nieqfu hawn, u Gvern ġdid Nazzjonalista jrid ikompli jixpruna dak li beda snin ilu – investiment serju li għadu jitgawda sal-lum.

Aktar tard il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar ukoll lil Gozo Graphics, kumpanija tal-istampar fin-Nadur. Jonathan Grech, li waqqaf il-kumpanija ftit tas-snin ilu, illum qed jara dak li investa fih irendilu filwaqt li hu wkoll qed jikkontribbwixxi għall-ekonomija Għawdxija u Maltija.

Kull investiment li jagħmel il-ħaddiem Għawdxi u Malti, kbir jew żgħir, jekk magħmul b’għaqal u viżjoni, iħalli l-frott mhux biss lilu imma wkoll lil pajjiżna.

Il-Kap tal-PN qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jista’ jserraħ rasu li pajjiżna mogħni b’familji u ħaddiema li lesti jinvestu aktar fl-intrapriżi tagħhom u jassigurahom li se jagħtihom l-għodda kollha meħtieġa biex ikomplu jikbru huma u jkabbru l-ekonomija biex igawdi minnha poplu sħiħ.