Għawdex Kummerċ Lokali

“Irridu Gvern ġdid li jinvesti fl-Għawdxin u jsostni l-industriji lokali” – Bernard Grech

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jinvesti fl-Għawdxin biex verament jimirħu u jaħtfu l-opportunitajiet.

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech lill-ħaddiema u l-amministrazzjoni tal-kumpanija ‘Magro Brothers’ fix-Xewkija, fejn ingħata merħba sabiħa fil-fabbrika tagħhom fejn jipproduċu varjeta ta’ ikel magħmul minn prodotti lokali.

Ritratt: Catriel Farrugia

Il-Kap tal-PN intlaqa’ mill-aħwa John u Michael Magro flimkien mat-tfal ta’ John Magro – Christian, Nicholas u Joanna Magro.

Ritratt: Catriel Farrugia

Akkumpanjat mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina, Joe Giglio u Chris Said, flimkien mal-Kandidati fuq Għawdex Beppe Galea, Norma Camilleri, Luke Said u Frank Anthony Tabone,  Bernard Grech żar il-fabbrika fejn isiru il-prodotti mill-ħalib – bħall-ġbejniet u l-irkotta. Kif ukoll il-fabbrika  li tipproduċi l-prodotti l-oħra magħmulin mit-tadam.

 Bħalissa, il-kumpanija Magro Brothers għaddejja b’investiment sabiex tirdoppja l-proudttivita tagħha; bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jwiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun ta’sosten għal dan l-investiment.

Dan filwaqt li fakkar li l-Partit Nazzjonalista qiegħed iwiegħed il-ħames vapur fil-flotta tal-Gozo Channel u espansjoni tal-port tal-Imġar b’toroq alternattivi.


Intant, dan l-investiment se jwassal biex is-sauce li huma jipproduċu jitla’ mal-aqwa ħamsa fl-Ewropa.

Minn naħa tiegħu, John Magro spjega kemm huma imortanti laqgħat bħal dawn biex ikunu jistgħu jaqsmu kemm il-kisbiet kif ukoll l-isfidi li għandhom. U anke l-proġetti futuri ta’ din il-kumpanija Għawdxija, foshom prodott li ħa jkun imniedi fil-jiem li ġejjien: ir-rikottina.