Il-Gvern Ċiniż ċaħad kategorikament għall-akkużi li l-ogħla awtoritajiet fiċ-Ċina huma konxji dwar sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini tagħhom qegħdin jiġġieldu fil-gwerra tal-Ukrajna u fuq in-naħa tar-Russja.
L-awtoritajiet f’Beijing anki fissru l-akkuża speċifika tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, bħala waħda irresponsabbli filwaqt li ħeġġew biex il-pajjiżi involuti fil-konflitt ‘jifhmu sew ir-rwol taċ-Ċina fil-qasam internazzjonali u fejn dejjem serviet bħala medjatur’.
Il-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin sostna li spekulazzjonijiet bħal dawn ma jagħmlu ġid lil ħadd ,iżda l-istqarrija fl-ebda ħin ma referiet b’mod partikulari għall-President Zelensky jew l-Ukrajna.
L-istess Ministeru qal li ċ-Ċina dejjem twissi liċ-ċittadini tagħha biex ma jindaħlux fil-konflitti ta’ pajjiżi oħra u bil-Gvern ta’ Beijing ‘qed jiskoraġġixxi is-sehem taċ-ċittadini Ċiniżi fil-kampanji militari tal-barranin’.
Madankollu, il-President Zelensky qal li talanqas 155 ċittadin Ċiniż qed jiġġieldu ‘għar-Russja’ fil-konflitt li ilu għaddejh f’pajjiżu minn Frar tal-2022.
Fil-fatt, il-qawwiet Ukreni, din il-ġimgħa, qabdu priġunier lil żewġ ġellieda Ċiniżi u bil-każ iqanqal l-ewwel allegazzjonijiet uffiċjali li ċ-Ċina ‘qed tipprovdi s-suldati lir-Russja għal din il-gwerra’.
Zelensky qed jgħid ukoll li f’pajjiżu x’aktarx hemm ‘ħafna aktar ġellieda Ċiniżi milli wieħed jaħseb’ u meta l-Gvern tiegħu qed janalizza ‘l-informazzjoni kollha relevanti biex jasal għal konklużjoni fissa’.
//= $special ?>