Waqt attività soċjali li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali, Charles Bonello fakkar lil dawk preżenti fl-importanza li l-Partit Nazzjonalista jkompli jiġġedded u jissaħħaħ għall-ġid ta’ pajjiżna.
U b’hekk appella sabiex ix-xogħol ma jieqaf qatt għaliex baqa’ ħafna iżjed x’isir, u bl-għajnuna tal-voluntiera, il-Partit Nazzjonalsita jista’ verament isir il-partit rebbieħ li jieħu lil pajjiżna fid-direzzjoni t-tajba.
Charles Bonello qal li wieħed għandu jibqa’ ffukat fuq il-ġid tal-pajjiż. Dan meta hu fatt magħruf li l-poplu Malti u Għawdxi, ta’ kuljum, qed ibati minn nuqqasijiet u anke abbużi minn membri tal-Gvern – bil-barka tal-Mexxej Laburista Robert Abela.
Dawn huma kollha skandli li qed jiswew lil pajjiżna miljuni kbar, u li minnhom qed ibati ċ-ċittadin. Bil-każ klassiku jibqa’ l-flus kbar illi ġew frodati bid-deal tal-isptarijiet, bir-riżultat li s-sistema tas-saħħa tħalliet f’xifer kollas u mingħajr investiment.
Charles Bonello insista li l-Gvern qed jaħseb biss short term u fil-ħtiġijiet tal-Labour minflok f’dawk tal-poplu kollu. Bil-pajjiż jinsab għarkubtejh u fi bżonn ta’ tmexxija ġdida li tista’ tkun biss dik tal-Partit Nazzjonalista li tagħti nifs ġdid lill-poplu kollu.