Nhar il‑Ħadd, 27 ta’ April, se ssir konferenza f’Malta, ‘Women in the Mediterranean’ bħala parti mill‑attivitajiet ‘MED25 ‑ Le Bel Espoir’ tas‑Santa Sede, koordinati mill‑Arċidjoċesi ta’ Marsilja. Din il‑konferenza se ssir fl-4pm f’Dar il-Mediterran u qed tiġi organizzata mill‑’MED 25 f’Malta’ b’kollaborazzjoni mal‑MELA, proġett tad‑Delegat Episkopali ghall-Evangelizzazzjoni, f’isem l‑Arċidjoċesi ta’ Malta u l‑Konferenza Episkopali Maltija.
Bejn is‑26 u t‑28 ta’ April, 25 żagħżugħ u żagħżugħa se jaslu Malta sabiex matul dawn il‑jiem jgħixu fuq il-vapur ‘Bel Espoir’, jitgħallmu u jduqu ftit mill‑kultura Maltija, u flimkien mal‑Maltin jiddiskutu t‑tema tal‑mara fil‑kuntest Mediterranju. Huma se jkollhom ukoll l‑opportunità jiltaqgħu ma’ komunitajiet differenti f’Malta.
Il‑konferenza, li se tkun bl‑Ingliż, se tesplora l‑esperjenzi tan‑nisa fil‑Mediterran fil‑kuntest tal‑migrazzjoni u l‑kunflitt, b’riflessjoni fuq l‑identità u l‑isfidi li jaffaċċjaw fis‑soċjetà. Se tiġi diskussa wkoll il‑vulnerabbiltà, is‑saħħa u r‑reżiljenza, kif ukoll l‑impatt tas‑silenzju bħala espressjoni ta’ dinjità jew għodda ta’ oppressjoni. Il‑pubbliku huwa mistieden jattendi u jieħu sehem f’din il‑konferenza.
L‑għan tal‑konferenza hu li tixpruna diskussjoni dwar il‑bidliet fil‑fehmiet dwar il‑mara u r‑rwol tagħha fis‑soċjetà, f’perjodu meta fil‑pajjiż qed jiġu rrappurtati aktar frekwenti każijiet ta’ vjolenza domestika u femiċidji. Il‑Knisja f’Malta qed taħdem biex tiffaċilita spazji ta’ djalogu li jwasslu għal narrattivi mġedda.
Il‑kelliema prinċipali huma Maria Brown, Marcelle Bugre, u Daniela Debono, filwaqt li d‑diskussjoni se tkun immexxija minn Dorianne Buttigieg. Il-konferenza se tiftaħ b’introduzzjoni minn Nadia Delicata u tagħlaq b’diskors mis‑Sottosegretarja tas‑Sinodu tal‑Isqfijiet, Nathalie Becquart, l‑ewwel mara li okkupat din il‑kariga u li qatt ivvutat waqt sinodu. Il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, se tindirizza l-konferenza.
L‑għaqda Inizjamed hi mistiedna tagħti kontribut letterarju b’qari ta’ poeżiji minn poeti nisa Maltin sabiex iġġedded l‑espressjoni artistika f’Malta fid‑dawl ta’ għarfien aħjar tal‑varjetà kulturali li teżisti f’Malta, fil‑Mediterran u lilhinn.
Aktar dettalji u reġistrazzjoni minn mela.org.mt/conference.
Bħala parti minn din l‑esperjenza Mediterranja kulħadd hu mistieden jattendi għal taħdita pubblika dwar l‑arti fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta u l‑kontribut tagħhom lejn l‑apprezzament kulturali fil‑Mediterran li se titmexxa minn Nicholas Doublet. Wara, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi se jmexxi quddiesa fil‑Konkatridal ta’ San Ġwann, fid‑9:30am. Fil‑quddiesa se jieħdu sehem membri mill‑komunitajiet internazzjonali f’Malta u mill‑Mediterran.
L‑attività tat‑tliet ijiem qed tittella’ f’kollaborazzjoni mal‑Heritage Malta, u Valletta Cruise Port.
Dwar ‘MED 25 – Bel Espoir’
Il‑proġett ‘MED 25 – Bel Espoir’ hu mibni fuq is‑sejħa tal‑Papa Franġisku sabiex il‑Baħar Mediterran isir spazju ta’ laqgħa u paċi. F’Marzu li għadda, il‑vapur ‘Bel Espoir’ beda vjaġġ ta’ tmien xhur minn Barċellona, li se jieħu madwar 200 żagħżugħ bejn l‑20 u l‑35 sena f’diversi postijiet fil‑Mediterran, fosthom f’Malta.
Matul din l‑esperjenza unika, iż‑żgħażagħ huma mħeġġa jikkontribwixxu b’mod attiv għall‑għaqda u l‑paċi fil‑pajjiżi tal‑Mediterran, billi jkomplu jsaħħu d‑djalogu u l‑laqgħat fi żmien ta’ kunflitti u instabbiltà fid‑dinja. F’kull port li se jieqfu ż‑żgħażagħ, ser jittellgħu seminars fuq temi bħall‑ambjent, il‑migrazzjoni jew l‑ekonomija.
Mons. Alexis Leproux, il‑Vigarju Episkopali ta’ Marsilja inkarigat mir‑relazzjonijiet fil‑Mediterran, qal li dan il‑proġett joffri liż‑żgħażagħ l‑opportunità li jiskopru r‑rilevanza tagħhom fis‑soċjetà u fid‑dinja, u joħolqu spazju umanitarju u filosofiku għall‑progress tal‑popli tal‑Mediterran.
//= $special ?>