Waslu fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għal 15-il edizzjoni tal-kunċert Rockestra, li se jkun qiegħed isir is-Sibt 12 t’April fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono żaret ir-rehalsals li kienu qed isiru f’dawn il-jiem qabel l-ispettaklu ta’ jumejn oħra. Bil-President tiltaqa’ mal-kantanti, il-mużiċisti u l-artisti waqt li kienu għaddejjin bl-aħħar provi tagħhom għal dan l-ispettaklu li qed isir b’risq il-Malta Community Chest Fund.

‘Rockestra – The Big Jam’ se jgħaqqad il-mużika tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ma’ diversi kantanti u bands lokali, biex flimkien iwasslu spettaklu mużikali b’differenza.
Il-President minn naħa tagħha irringrazzjat lil dawk kollha involuti għall-impenn tagħhom, kif ukoll fakkret li kull min se jattendi mhux biss se jgawdi dan l-ispettaklu uniku, iżda se jkun qiegħed jgħin lil dawk kollha li jiġu bżonn il-Malta Comunity Chest Fund.
Il-kunċert Rockestra jibda fit-8:30pm, u fih se jieħdu sehem l-aqwa talenti lokali u mużiċisti rinomati…li se jingħaqdu mal-Orkestra Filarmonika.
Il-flus miġbura minn dan l-ispettaklu mużikali se jmorru għall-fondi li tmexxi l-Community Chest Fund, u li minnu se jibbenefikaw għad kbir ta’ familji u tfal li jkollhom bżonn kura jew li jkunu jeħtieġu xi forma ta’ assistenza.
Intant, għall-ewwel darba, eżatt wara l-kunċert, se jsir ukoll after party f’Uno Malta, fejn għadd ta’ DJs lokali se jkomplu l-ispettaklu ta’ Rockestra.