Internazzjonali

L-Ungerija: Marda tal-merħliet indikata bħala ‘attakk bioloġiku’

L-Uffiċjali fl-Ungerija suġġerew li l-ewwel każi tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fost l-annimali tal-merħla fi żmien 50 sena kapaċi huma riżultat ta’ xi ‘attakk bioloġiku’.

Intant, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, li kwotat lis-sorsi Ungeriżi, irreferiet għal każi tal-marda f’razzett partikulari lejn il-Lbiċ tal-Ungerija. Hu minnu li nqatlu l-eluf tal-annimali tal-merħla biex il-marda tal-ilsien u d-dwiefer ma tinfirixx — u bl-Awstrija u s-Slovakkja jagħlqu diversi aċċessi tal-fruntiera mal-Ungerija bħala prekawzjoni.

U s-sorsi viċin il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, mhumiex jeskludu għal ‘xi forma ta’ attakk’ jew il-possibbiltà li l-virus inkwistjoni kien ‘iġġenerat bil-mezzi artifiċjali’ u mhux ta’ xi oriġini naturali.

Is-suspett dwar attakk bioloġiku qed jibbaża fuq l-informazzjoni verbali min-naħa ta’ laboratorju ‘il hinn mill-Ungerija u li baqgħet mhix ivverifikata għal kollox mill-awtoritajiet kompetenti.

Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer ma timponi l-ebda periklu għall-bniedem – bl-ewwel każi fl-Ungerija jkunu żvelati f’Marzu, fost il-qtil ta’ 3,500 annimal tal-merħla fil-provinċja ta’ Gyor-Moson-Sopron.