Futbol Sport

Liverpool viċin ftehim għal kuntratt ġdid ma’ Salah u van Dijk

Salah u van Dijk
Salah u van Dijk

Liverpool u Mohamed Salah huma dejjem eqreb li jilħqu ftehim bejnithom li għandu jwassal għall-estenssjoni tal-kuntratt tal-attakant Eġizzjan mal-leaders tal-Premier League fl-Ingilterra.

Id-diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha għadhom għaddejjin u għad irid jintlaħaq ftehim finali, iżda skont dak li qed ikun irrapurtat mill-media Brittanika, kollox jindika li Liverpool għamlu progress fl-isforzi tagħhom li jikkonkludu dan il-ftehim. Hu mifhum li Salah, li għandu 32 sena u dan l-istaġun diġa’ skorja 27 gowl u serva 17-il assist f’31 partita tal-Premier League, se jkun qed jiffirma kuntratt għal sentejn oħra ma’ Liverpool.

Intant, Liverpool huma vicin ukoll li jikkonkludu n-negozjati mad-difensur ċentrali Olandiz, Virgil van Dijk sabiex anke hu jestedni l-kuntratt tiegħu mal-klabb. Skond dak li qed jiġi rapurtat, hemm ottimiżmu li l-ftehim finali bejn iż-żewġ partijiet ikun milħuq u ma jdumx ma jitħabbar b’mod uffiċjali.

Trent Alexander-Arnold mhux mistenni jibqa’ ma’ Liverpool fit-tmiem ta’ dan l-istaġun

Trent Alexander-Arnold

Fir-rigward ta’ Trent Alexander-Arnold, hemm inqas possibiltà li jagħżel li jiffirma kuntratt ġdid ma’ Liverpool, hekk kif il-kuntratt tiegħu mal-klabb minn Merseyside jiskadi fl-aħħar ta’ dan l-istaġun.

Il-futur ta’ Alexander-Arnold mistenni jkun ma’ Real Madrid.