Il-ħames ġurnata tat-Tazza tan-Nazzjonijiet 2025 tal-Blackball, li qed isiru fi Bridlington, l-Ingilterra, kienet waħda pożittiva għat-timijiet Maltin. It-tim tal-irġiel kiseb riżultat mill-aqwa wara rebħa ta’ 13-12 kontra wieħed mit-timijiet favoriti, l-Iskozja. B’dan ir-riżultat, it-tim immexxi minn Clevion Micallef għadda għall-fażi eliminatorja biċ-ċans li jkompli javvanza aktar f’din il-kompetizzjoni.
Kmieni matul l-istess ġurnata, l-istess tim tal-irġiel, wera s-supremazija tiegħu b’rebħa ta’ 21-4 kontra Shetland sabiex issa jinsab fit-tieni post, saħansitra qabel l-Ingilterra.
F’din il-ħames ġurnata, kelna ukoll suċċess minn Leon Azzopardi fil-kompetizzjoni individwali fejn jinsab fis-semifinali wara li elimina lil Marc Fleming 5-2 sabiex illejla jilgħab kontra Stuart McCulloch. Il-Malti l-ieħor Shaun Attard wasal sal-fażi tar-Round tas-16, iżda nqala’ wara telfa ta’ 5-1 kontra Graeme Sillars.
Fil-logħbiet l-oħra tat-timijiet, it-Tim B tal-irġiel rebħu 18-7 kontra l-Irlanda B, bis-Seniors A li rebħu 14-11 kontra l-Irlanda A, u t-Tim B li tilef 16-9 kontra Skozja B1.
//= $special ?>