Futbol Sport

Moises Caicedo fl-inkwiet mal-Pulizija wara li nqabad isuq bla licenzja 

Moises Caicedo
Moises Caicedo

Il-midfielder ta’ Chelsea, Moises Caicedo qed ikun investigat mill-Pulizija Brittanika wara li nqabad isuq vettura, tal-għamla Audi RS Q8 mingħajr liċenzja valida tas-sewqan.

L-internazzjonali tal-Ekwador, li għandu 23 sena, twaqqaf fil-karozza, li tiswa minimu ta’ £125,000 jekk jinxtara ġdida, nhar il-Ġimgħa ħdejn it-training ground tal-klabb f’Cobham, Surrey. 

Fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija, dawn ikkonfermaw li “raġel li għandu mal-20 sena minn Cobham twaqqaf minn uffiċjali fuq Fairmile Lane f ’Cobham, nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ April u nstab li kien qed isuq mingħajr liċenzja.” L-istqarrija tkompli tgħid li l-vettura qed tinżamm mill-Pulizija, u l-inkjesti għadhom għaddejjin.

Chelsea ma kkummentawx dwar il-kwistjoni.

Jekk il-pulizija jsibu li Caicedo ħati li wettaq reat allura l-eks plejer ta’ Brighton jista’ jeħel multa jew prosekuzzjoni kriminali.

F’Awwissu tal-2023, Chelsea kienu akkwistaw lil Caicedo għas-somma inizjali ta’ £100 miljun, fi ftehim li jista’ jitla’ għal £115 miljun.