Michael Piccinino
Eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista
u kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali
F’ġurnata waħda fil-Parlament għadda liġi li hi intenzjonata biss biex tipproteġi l-Gvern tiegħu u l-politiċi korrotti li hemm fil-qalba tiegħu, billi jneħħi d-dritt tiegħek bħala ċittadin li titlob li ssir ġustizzja billi titlob li tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali, u għadda mozzjoni oħra li kienet intenzjonata biex tipprova ssikket l-Oppożizzjoni b’attakk faxxist fuq id-Deputati Nazzjonalisti li jagħmlu xogħolhom bħala Deputati tal-Oppożizzjoni.
Kienu voti li jikkonfermaw dak li ilna ngħidu aħna, li l-Gvern għandu l-prijoritajiet tiegħu kompletament ħażin. Minflok qed jiffoka fuq kif jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin, għażel li jdaħħal liġi biex jipproteġi lilu nnifsu u lil min jista’ jkollu xi ħaġa x’jaħbi.
Liġi biex titwaqqaf il-ġustizzja
Il-liġi li għaddiet din il-ġimgħa effettivament twaqqaf l-Inkjesti Maġisterjali. Dak li sa issa kien wieħed mid-drittijiet fundamentali tiegħek bħala ċittadin – li tmur għand Maġistrat u titlob li jinvestiga każ ta’ korruzzjoni jew abbuż minn naħa ta’ politiċi – issa tneħħa minn idejk.
Dan hu att ta’ protezzjoni mhux lill-poplu, imma lil dawk li għandhom x’jaħbu. Il-każijiet ta’ 17 Black, Vitals, Electrogas u l-Panama Papers bdew jiġu investigati biss grazzi għall-inkjesti maġisterjali, mhux għall-Kummissarju tal-Pulizija li, sal-lum, għadu ma aġixxiex. Li kieku kien hemm din il-liġi, kieku fl-ebda minn dawn il-każijiet ma bdejna naraw issir ġustizzja.
Robert Abela jrid jipproteġi lilu nnifsu u lil dawk fi ħdan il-Gvern tiegħu milli jkunu suġġetti għall-ġustizzja.
Imma ejjew inkunu onesti, min hu innoċenti ma jibżax mill-verità. Min m’għandux x’jibża’, ma jinkwetawhx l-investigazzjonijiet. Min tant jibża’ mill-investigazzjonijiet li jrid iwaqqaf li dawn isiru, għandu x’jaħbi.
Li tneħħi l-Inkjesti Maġisterjali mhix riforma; hija att ta’ paniku. Riforma ssir biex ittejjeb is-sistema, mhux biex tagħlaq triqiet li wasslu biex il-verità toħroġ.
Robert Abela u l-Gvern tiegħu jafu li aktar inkjesti jfissru aktar skandli li jiġu żvelati. U allura, biex jipproteggu lilhom infushom, għażlu li jtellfu d-demokrazija.
Daħlu din il-liġi meta jafu li m’għandhom l-ebda mandat minn nies biex jagħmlu dan.
Din il-liġi qatt ma kienet fil-programm elettorali tal-Partit Laburista. Qatt ma wegħduha, qatt ma ħabbruha. U allura m’għandhomx mandat tal-poplu biex idaħħluha.
Jgħattu xturhom u dnubiethom
U x’għamlu? Użaw il-maġġoranza parlamentari biex jimponu liġi li ħadd ma talab għaliha, li ħadd ma approvaha, li sservi biss biex jgħattu għalihom infushom.
Dan hu każ ċar ta’ abbuż tal-poter. U meta l-Gvern jibda juża l-Parlament biex jipproteġi lilu nnifsu mill-ġustizzja u mhux biex jindirizza l-problemi tan-nies, dik mhijiex demokrazija vera.
Biex imbagħad, bħallikieku ma kienx biżżejjed li jgħaddu din il-liġi perikoluża, il-Gvern għamel pass ieħor: għadda mozzjoni biex jattakka direttament lill-Oppożizzjoni għaliex eżerċitat id-dmir tagħha li tissorvelja l-ħidma tal-Gvern u tgħid il-verità.
Dak huwa att ta’ vendikazzjoni politika. Att li, f’kull pajjiż demokratiku, jittieħed bħala sinjal ta’ faxxiżmu istituzzjonali. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista ma pparteċipax f’dan il-vot, bħala att ta’ protesta u sinjal li aħna mhux se nkunu parti minn dan l-abbuż.
Dan mhux biss attakk fuq il-Partit Nazzjonalista.
Huwa attakk fuq 123,000 ruħ li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali u li għandna d-dmir li nirrapreżentawhom, fuq kull min jemmen fil-libertà tal-kelma u fil-funzjoni fundamentali li għandha l-Oppożizzjoni f’demokrazija.
L-użu tal-Parlament
Il-Parlament għandu jintuża biex insibu soluzzjonijiet għall-problemi tal-familji Maltin u Għawdxin, u mhux biex nipproteġu lill-kriminali.
Il-Parlament jeżisti biex jintuża għal diskussjoni fuq kif se nsolvu l-isfidi reali tan-nies – fuq il-kirjiet li telgħu, il-paga li ma tlaħħaqx mal-ħajja, il-mediċini li mhux qed jinstabu, l-istudenti li qed jistudjaw fil-kontejners.
Minflok jindirizzaw dawn, il-Gvern qed juża l-Parlament biex jipproteġi lilu nnifsu u biex jattakka lil dawk li ma jaqblux miegħu.
Il-vot li jmisshuwa tiegħek
Il-Gvern uriena għal darb’oħra li l-prijoritajiet tiegħu mhumiex f’posthom, li ħin il-Parlament mhux jużah biex jgħinek imma jużah kontrik u biex jipproteġi lilu nnifsu. Allura l-vot li jmiss għandu jkun tiegħek.
Fil-jum tal-elezzjoni li jmiss, il-poplu għandu jagħżel bejn żewġ triqat:
1.Jew tkompli l-politika li tagħti l-prijorità lil min għandu poter biex jipproteġi lilu nnifsu;
2.Jew tagħżel politika li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru, li temmen fil-verità, fil-ġustizzja u f’demokrazija li taħdem għal kulħadd. Li trid tuża l-ħin tal-Parlament u l-poter biex issolvi l-problemi reali li qed jiffaċċjaw il-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Partit Nazzjonalista diġà wiegħed li se jdaħħal lura d-dritt tiegħek li titlob Inkjesta Maġisterjali u li jżomm u jsaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi, mhux inaqqashom.
Aħna se nibqgħu nkunu l-leħen ta’ dawk li jridu ġustizzja u trasparenza. Mhux se nħallu lil Gvern abbużiv jiddefendi lilu nnifsu mill-ġustizzja u fl-istess waqt jattakka lil min jagħmel xogħlu.
Fl-elezzjoni li jmiss, int għandek l-aħħar kelma
U għandek iċ-ċans li twaqqaf dan l-abbuż u tibgħat messaġġ ċar, li f’Malta l-verità u l-ġustizzja għandhom jirbħu fuq l-interessi ta’ min fil-poter.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 6 ta’ April, 2025.