Puttinu Cares ngħata l-permessi kollha sabiex jibni sular ieħor fiċ-ċentru l-ġdid f’Londra. Iżda dan il-pass ifisser li Puttinu jeħtieġ ħafna iktar fondi sabiex ilestu dan il-proġett u b’hekk jipprovdu dar ‘il bogħod mid-dar għal dawk fil-bżonn.
Puttinu qed iħeġġeġ biex wieħed jgħin billi jisponsorja mqar kamra waħda, u b’hekk tħalli ismek, isem il-grupp tiegħek, isem ta’ xi ħadd għażiż, jew il-logo tal-kumpanija fuq plakka f’wieħed mill-appartamenti l-ġodda. Bosta donaturi ġenerużi diġà kellhom il-plakkek tagħhom imqiegħda fl-appartamenti.
Dan hekk kif kċina waħda tiġi tiswa €10,000, kamra tas-sodda tiswa €5,000 u kamra tal-banju tiswa €2,500.
Intant, propju fil-Ġimgħa l-Kbira se ssir il-maratona annwali fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni, inkluż Net Television li se tkun qed tixxandar b’mod dirett bejn id-9 ta’ filgħodu u t-3 pm, u bejn id-9 pm u nofsillejl.