Is-swieq tad-dinja rpiljaw xi ftit wara li l-Istati Uniti ta’ Donald Trump ikkonfermat pawża għat-tariffi ‘devastanti’ li l-President Amerikan kien qed iħejji għall-Istati li, fi kliemu, ilhom is-snin jieħdu vantaġġ minn pajjiżu fis-settur kummerċjali.
Il-pawża hi effettiva għal 90 jum u b’riżultat ta’ dan, is-swieq u t-tariffi fl-Istati Ewropej u madwar id-dinja stabilizzaw xi ftit…Madankollu, ftit hemm dubju li s-sitwazzjoni se tibqa’ fluwida minħabba l-aġir imprevedibbli ta’ Trump u l-Gvern tiegħu.
Fl-aħħar sigħat, l-Unjoni Ewropea wkoll iffriżat it-tariffi ta’ ritaljazzjoni fil-konfront tal-Istati Uniti u li kellhom ikunu pass obbligatorju f’din is-sitwazzjoni turbulenti għad-dinja kollha.
Madankollu, it-tariffa – levy – unilaterali ta’ Trump, ekwivalenti għal għaxra fil-mija, se tkompli għall-pajjiżi kollha, ħlief iċ-Ċina li spiċċat suġġetta għal tariffi storiċi imposti minn Washington u bir-riżultat inevitabbli li Beijing ma damx biex jikkonferma passi simili fil-konfront tal-Istati Uniti.
Hu minnu wkoll, intant, li l-Istati Uniti għadha qed tinsisti bit-tariffa ta’ 25 fil-mija għall-karozzi u l-prodotti kollha tal-azzar u aluminju li qed timporta minn barra.
U filwaqt li l-Ewropa qed tieħu nifs momentarju, il-gwerra tat-tariffi bejn Washington u Beijing qed tidher dejjem aktar profonda – bi Trump jimponi levy ta’ 125 fil-mija għall-prodotti taċ-Ċina u li daħlu fis-seħħ b’effett immedjat. Dan waqt li l-Gvern Ċiniż wieġeb bit-tariffi ta’ 84 fil-mija għall-prodotti li pajjiżu qed tesporta l-Istati Uniti….Sitwazzjoni li bilfors se tkompli tħalli effett negattiv għall-ekonomija globali għat-tul ta’ żmien.
Il-President Trump jinsab irrabjat ferm għaċ-Ċina, li hi l-akbar kompetitur kummerċjali tal-Istati Uniti u meta hu, fl-aħħar sigħat, għolla t-tariffi oriġinali fil-konfront ta’ Beijing ‘bħala tweġiba għad-disrispett kontinwu lejn pajjiżu min-naħa taċ-Ċiniżi’….Dan waqt li ċ-Ċiniżi wieġbu li se jkomplu jisfidaw lil Washington u li mhumiex se jaċċettaw l-insulti u l-kliem dispreġjattiv kontinwu dwar pajjiżhom.
Madankollu, is-swieq finanzjarji tal-Asja u l-Ewropa, fl-aħħar sigħat, irkupraw ftit mit-telf irreġistrat fil-bidu tal-ġimgħa — iżda l-arja ta’ imprevedibbiltà għadha reali ħafna u meta ħadd ma jaf x’se jivvinta Trump minn jum għall-ieħor.
Fl-istess ħin, ħadd ma jaf jekk Donald Trump tassew kienx beħsiebu jitfa’ lid-dinja f’abbiss ekonomiku b’kaġun tat-‘tariffi bomba’ inkella jekk l-aġir tiegħu kienx kollu parti minn strateġija biex iġiegħel lill-pajjiżi jċedu għad-diktat ta’ Washington….Dan meta dejjem aktar pajjiżi jistgħu huma lesti biex jaċċettaw il-kundizzjonijiet ta’ Wqashington ħalli ma jispiċċawx esklużi mill-akbar suq tad-dinja.
U fl-aħħar sigħat, Donald Trump kien qed jidher sodisfatt ħafna bl-iżviluppi waqt li wiegħed lill-Amerikani li għandhom iħarsu ‘il quddiem lejn ‘aktar ġranet memorabbli’ fi żmien meta ‘pajjiżhom qed ikompli jiġġenera l-ġid waqt li jżid fis-saħħa.’
//= $special ?>