Żagħżugħ ta’ 29 sena, ġie kkundannat erba’ snin u nofs priġunerija wara li nstab ħati li f’Jannar li għadda wettaq vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu, kif ukoll li wettaq serqa ta’ €300 minn ħanut tal-ikel f’San Ġiljan.
Llewwlyn Xerri minn Ħal Qormi kien ġie arrestat b’rabta ma’ dan il-każ wara jiem ta’ tfittxija mill-pulizija. L-arrest kien sar fi Frar li għadda f’każin tal-banda ġewwa San Ġiljan wara li l-pulizija appellat lil pubbliku biex kull min għandu xi nformazzjoni dwaru jikkuntattjaha.
Fil-Qorti, il-pulizija xlietu b’serq ta’ flus mill-kartiera ta’ wieħed mill-impjegati ta’ ħanut tal-ikel f’San Ġiljan kif ukoll li ħebb għall-eks sieħba tiegħu fir-residenza tagħha f’San Pawl il-Baħar. Il-Qorti hadet in konsiderazzjoni tall-fedina penali ta’ Xerri, li mhix wahda feliċi.
Huwa ghandu sitt kundanni minn dawn il-Qrati, li kollha huma ghal diversi reati ta’ serq kwalifikat, hlief wahda dwar ksur tal-ligijiet tas-sewqan. Huwa nstab ħati li kkommetta serq ta’ flus kontanti liema serq li ma jeċċedix l-€2,329.37.
Ħati wkoll li f’xi ħin matul il-ġurnata fl-4 ta’ Jannar li għadda f’residenza f’San Pawl il-Baħar mingħajr il-hsieb li joqtol jew li jqiegħed il-hajja tal-eks sieħba tiegħu f’periklu car, ikkaġuna hsara fil-gisem jew fis-saħħa tal-vittma, li kienet ferita ta’ natura ħafifa, li hija aggravata peress li kienu f’relazzjoni flimkien.
Huwa nstab ħati wkoll l-istess data, ħin, lok u ċirkostanza kkaġuna biza fuq l-eks sieħba tiegħu li se tintuża
vjolenza kontra tagħha u li wettaq inġurji u theddid lilha. Instab ħati wkoll li naqas li josserva jew kiser xi waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet imposti fuqu permezz ta’ Ordni ta’ Trazzin.
Din l-ordni inħarġet b’sentenza definittiva tas-26 ta’ Ottubru 2024 maħruġa mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fejn il-Qorti kienet provdiet għas-sigurtà tal-vittma għal perjodu ta’ tliet snin. Xerri ma nstabx ħati li reċidiv minħabba nuqqas ta’ provi mill-prosekuzzjoni.
Fl-ikkalibrar tal-piena, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ikkunsidrat li għalkemm l-imputat ma irreġistrax ammissjoni fl-iktar stadju bikri tal-proċeduri, huwa irreġistra l-ammissjoni parzjali
tiegħu fir-raba’ seduta miżmuma f’dawn il-proċeduri – li xorta huwa stadju pjuttost bikri.
Għalhekk huwa ma kompliex jaħli l-ħin u r-rizorsi tal-Qorti u tal-forzi tal-ordni. Mit-trattazzjoni orali tal-partijiet irriżulta li l-imputat ghandu problema ta’ tossikodipendenza, li hu jixtieq jindirizza waqt il-perjodu ta’ inkarċerazzjoni.
Fit-trattazzjoni, l-Prosekuzzjoni issottomettiet li l-piena idonea hija wahda ta’ erba’ snin u nofs priġunerija, li tinkludi l-piena ta’ prigunerija fis-sentenza sospiża u l-ksur tal-ordni ta’ probation. Is-sentenza sospiża hija ghal 18-il xahar, fil-waqt li l-ordni ta’ probation ingħatat fir-rigward ta’ ammissjoni ta’ ħtija għar-reat ta’ serq ikkwalifikat bil-valur, li l-piena minima għaliha hija ta’ ħames xhur u massimu ta’ tliet snin priġunerija.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-piena għar-reat ta’ serq ikkwalifikat u r-reati ta’ vjolenza domestika f’dawn il-proċeduri għandha tkun globalment ta’ cirka sentejn u nofs priġunerija. Id-difiża qablet mas-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni dwar il-piena. Tenut kont taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, il-Qorti ukoll tqis li l-piena sottomessa mill-Prosekuzzjoni hija wahda raġonevoli.
Il-Qorti kkundannat lill-ħati biex ihallas lill-vittma tas-serqa, s-somma ta’ €300 rapprezentanti l-ammont li gie lilu misruq mill-hati. Qalet ukoll li mill-kundanna ta’ erba snin u nofs ħabs, irid jitnaqqas iż-żmien li għamel taħt arrest preventiv.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Daryl Farr, Antonello Magri, Jonathon Cassar flimkien mal-Avukat Clive Aquilna f’isem l-Avukat Ġenerali. L-avukat tal-għajnuna legali Victor Buġeja deher għall-akkużat. Għall-vittma deher l-Avukat Lennox Vella.