Id-devozzjoni ta’ din il-ġurnata għadha waħda b’saħħitha. Mhux b’inqas din is-sena – sena li fiha l-Knisja Kattolika qed tfakkar il-Ġublew Imqaddes.
Eluf ta’ devoti ħonqu t-toroq f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex għall-purċissjonijiet tad-Duluri illi tradizzjonalment dejjem isiru ġimgħa qabel il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira – inkluż fil-Belt Valletta, fejn issir il-purċissjoni mill-Knisja Ta’ Ġieżu.
Preżenti kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u s-sinjura Anne Marie Grech.
Jingħad li din it-tifkira tad-Duluri bdiet fis-Seklu XV fil-belt Ġermaniża ta’ Cologne.
Fil-bidu tas-Seklu XVII, din id-devozzjoni qabdet ukoll fi Franza, u kien il-Papa Benedittu XIII li fit-22 ta’ April 1725 ordna li din il-festa kellha tkun iċċelebrata mill-Knisja Universali. Minn hawn, kompliet tinxtered dejjem aktar din il-qima lejn id-Duluri.
Meta fl-1814, il-Papa Piju VII wettaq riforma fil-Kalendarju Liturġiku, hu rreġistra d-data tal-15 ta’ Settembru bħala Jum it-Tifkira ta’ Marija Addolorata.
Id-devozzjoni lejn id-Duluri wasslet ukoll biex f’Malta bdew jitwaqqfu għadd ta’ fratellanzi madwar l-ibliet u l-irħula tagħna. Jikkummenta ma’ Net News il-gwardjan tal-Knisja ta’ Ġieżu, patri Ramon Farrugia.
L-ewwel Konfraternità tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Ghaxaq fl-1684. Fil-Belt Valletta nsibu li twaqqfet fit-12 ta’ April 1765, filwaqt li fil-Mosta twaqqfet fl-1886.
Fl-imgħoddi, kienet ukoll tradizzjoni wiesgħa li ħafna Maltin jimxu ħafjin wara l-istatwa tad-Duluri waqt li f’Għawdex kienet użanza li jagħmlu l-jum sħiħ jimxu ħafjin. Dan b’sens ta’ sagrifiċċju jew wara li jkunu għamlu xi wegħda jew biex il-madonna taqlgħalhom xi grazzja.