Il-klabb ta’ Valletta FC qed jippreparaw bil-kbir għaċ-ċelebrazzjonizjiet li se jsiru għada s-Sibt, wara l-aħħar partita tal-Kampjonat kontra Marsa, fejn Valletta se jkunu qed jiġu ppreżentanti bit-trofew ta’ champions taċ-Challenge League wara li aċċertaw mill-promozzjoni għall-Malta Premier, b’erba’ partiti mit-tmiem tal-Kampjonat.
“Kif mistenni, l-emozzjonijiet huma għoljin hekk kif il-Klabb qed jipprepara għal dak li mistenni jkun wieħed mill-aktar jiem memorabbli fl-istorja tiegħu. Nikkonkludu sena mimlija mumenti ta’ ferħ kbir u oħrajn diffiċli, li poġġew lill-klabb u lis-supporters tiegħu għall-prova. Madanakollu, dawn l-isfidi għamluna aktar b’saħħitna, u s-Sibt se nkunu qed nuru kemm dan hu tassew minnu,” qal Claudio Grech, President ta’ Valletta FC.
Fi stqarrija maħruġa mill-klabb ta’ Valletta, il-biljetti għall-partita ta’ għada, u li se tkun qed tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali, “qed jinbieghu b’pass rekord”. Għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, Valletta FC għażlu l-islogan #WeAreBack, hekk kif il-Beltin se jkunu qed jimmarkaw ir-ritorn tagħhom fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, sena biss wara li sfaw relegati għall-ewwel darba għaċ-Challenge Leauge.
“Ir-relegazzjoni tal-klabb fi tmiem l-istaġun li għadda fissret li filwaqt li żżomm il-kuntest tal-passat glorjuz tagħha, Valletta FC kellha tidħol fi proċess radikali ta’ trasformazzjoni – fuq livell organizzattiv, loġistiku u finanzjarju – deċiżjonijiet li l-amministrazzjoni tal-Klabb ħadet b’serjetà permezz ta’ ħidma intensiva f’kull sezzjoni. Ir-relegazzjoni kienet iebsa, iżda tatna l-opportunità li naħsbu mill-ġdid kif aħna strutturati sabiex illum inkunu f’pożizzjoni aktar b’saħħitha u b’entużjażmu kbir li nerġgħu nieħdu postna fost l-elite tal-futbol Malti,” żied jgħid il-President Grech.
“Dan kollu ma setax iseħħ mingħajr l-appoġġ inkredibbli tal-partitarji uniċi tal-Belt Valletta. Nafu bħala fatt li Valletta FC tgawdi l-ikbar appoġġ meta mqabbla ma’ kwalunkè klabb ieħor f’Malta – fatt li ġie kkonfermat minn riċerka indipendenti li saret aktar kmieni din is-sena, u li kkonfermat li Valletta FC ghandha aktar minn 27,000 partitarju dedikat. Aħna gratissimi lejn il-partitarji tagħna li baqgħu magħna f’kull mument, tajjeb jew ħażin – dedikazzjoni li aħna kburin li nirreċiprokawha s-Sibt b’dan it-tragward importanti,” temm jgħid Grech.
Il-programm għall-partitarji ta’ Valletta FC madwar Malta u Għawdex hu mimli, b’attivitajiet għall-familja qabel il-partita li jibdew fl-Istadium Nazzjonali ta’ Ta’ Qali fis-14:30.
Il-partita bejn Valletta FC u Marsa FC mistennija tibda fit-15:30, u wara Valletta FC se tingħata t-Tazza talBOV Challenge League fost ic-celebrazzjonijiet ta’ dawk preżenti.
Iċ-ċelebrazzjonijiet se jkomplu fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta mis-19:00 ‘l quddiem, “b’festa li l-partitarji tal-Belt biss jafu jagħmlu,” tgħid l-istqarrija. Ic-celebrazzjonijiet mistennija jigbdu folol kbar hekk kif din mistennija tkun serata memorabbli fil-Kapitali.
//= $special ?>