Lokali Qorti

‘Homeless’ jinżamm arrestat fuq serq ta’ oġġetti mill-Fgura

Żagħżugħ ta’ 26 sena li huwa ‘homeless’ inżamm arrestat wara li ġie mixli b’rabta ma’ tliet serqiet minn Triq Hompesch fil-Fgura. L-ispettur Gabriel Kitcher qal lill-Qorti li l-pulizija kienet qed tinvestiga tliet rapporti tal-pulizija relatati ma’ serq.

L-ewwel wieħed kien jikkonċerna serq ta’ bagalja li tiswa €120 minn karozza pparkjata fil-11 ta’ Marzu. It-tieni serqa kienet minn vettura oħra pparkjata fl-istess triq fis-7 ta’ April. Din id-darba, seraq mobile Samsung, €540 fi flus kontanti u Rolex card holder li kien fih card Revolut.

Imbagħad ir-raġel uża l-card f’banka tal-lottu u ħanut tal-pastizzi. Kitcher qal lill-Qorti li Brandon Lee Zerafa ġie identifikat minn ħwejġu wara li ddaħħal l-isptar minħabba xi ġrieħi li ġarrab f’inċident separat. L-ispettur tal-pulizija qal li llinkja lir-raġel ukoll mas-serq ta’ laned tal-kafè minn ħanut fl-istess triq fis-6 ta’ April.

L-uffiċjal investigatur identifikah waqt li sħabu kienu qed ipoġġu lil Zerafa fuq il-lista ta’ persuni mfittxija. Zerafa wieġeb mhux ħati għall-akkużi diversi ta’ serq. F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għal libertà proviżorja, u r-raġel inżamm arrestat.

Il-Qorti kienet ppreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo. L-avukat tal-AĠ Giuliana Magro Conti mexxiet il-prosekuzzjoni, assistita mill-ispettur tal-pulizija Gabriel Kitcher. L-avukat Alex Miruzzi assista lill-akkużat.