Lokali

Id-Deputat Speaker David Agius jippresedi l-finali tal-Mini Assemblea Ewropea fil-Parlament

“Iż-żgħażagħ għandhom ikunu protagonisti tat-tibdil, jużaw l-għodod diġitali b’mod responsabbli, u jżommu ruħhom infurmati u attivi fil-ħajja demokratika.”

Qal dan id-Deputat Speaker David Agius meta l-Parlament ta’ Malta laqa’ ‘l fuq minn 40 żagħżugħ u żagħżugħa li għaddew għall-finali tal-XXXV edizzjoni tal-Mini Assemblea Ewropea organizzata mill-NSTF, bittema “Niddefendu d-Demokrazija: Nindirizzaw it-Theddid għall-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-UE”.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, id-Deputat Speaker David Agius saħaq li d-demokrazija tfisser ħafna aktar minn sempliċi elezzjonijiet jew il-libertà tal-espressjoni, hekk kif id-demokrazija hija mibnija fuq il-protezzjoni taddrittijiet u d-dinjità ta’ kull persuna.

F’Malta, bħal fil-kumplament tal-UE, jeħtieġ li nibqgħu sodi kontra kull żbilanċ għall-indipendenza ġudizzjarja, jew ta’ kwalunkwe setgħa ewlenija u nassiguraw li s-saltna tad-dritt tibqa’ mhux mittiefsa.

Id-Deputat Speaker għamel referenza għall-isfidi li qed jiffaċċjaw dawn il-valuri madwar l-Ewropa, u qal li anke f’Malta rridu nibqgħu konxji u impenjati sabiex nibnu istituzzjonijiet li jibqgħu trasparenti u responsabbli, filwaqt li saħaq fuq l-importanza li l-istituzzjonijiet pubbliċi jkunu b’saħħithom u imparzjali hekk kif dan huwa kruċjali għas-saltna tad-dritt.

Hu temm id-diskors tiegħu billi qal li f’dinja mimlija ‘influencers’, għandhom ikunu huma l-influencers tat-tama u l-ġustizzja. Wara d-diskussjonijiet saret l-aħħar plenarja tal-kompetizzjoni, li fiha ġew diskussi l-isfidi tad-demokrazija u linvolviment taż-żgħażagħ.

Il-parteċipanti, li rrapreżentaw pajjiżi differenti f’dak li jissejjaħ bħala model parliament ippreżentaw u vvutaw fuq emendi għal sett ta’ riżoluzzjonijiet li ppreżentaw l-NSTF stess dwar dan is-suġġett.

Il-Mini Assemblea Ewropea hija simulazzjoni tal-Parlament Ewropew, b’rabtiet mill-qrib mal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Fl-MEA, l-istudenti jirrappreżentaw pajjiżi Ewropej differenti u jiddiskutu suġġetti ta’ rilevanza Ewropea permezz tal-perspettiva politika tal-istat membru li jirrappreżentaw.

It-timijiet jipprovdu riżoluzzjonijiet marbuta mad-diversi rapporti ppreżentati, u huma evalwati fuq ilpreżentazzjoni tagħhom, il-ħiliet argumentattivi, it-teħid tal-mistoqsijiet, id-diskussjoni, id-dibattitu, u l-ħiliet tagħhom biex jitkellmu fil-pubbliku. Ir-rebbieħa se jżuru l-istituzzjonijiet Ewropej ewlenin fi Brussell, inkluż il-Parlament Ewropew f’Lulju li ġej.

Waqt din is-sessjoni kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali tal-NSTF Francis Stivala, u saru indirizzi virtwali mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, u l-Whip tal-Gvern Naomi Cachia, u indirizzat ilkonferenza l-MP Bernice Bonello.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wkoll indirizzat lill-parteċipanti, fejn sostniet l-importanza tal-parteċipazzjoni fid-demokrazija u kif iż-żgħażagħ tal-lum għandhom ikunu attivi sabiex iżommu ddemokrazija ħajja u rilevanti.