Hekk kif dalgħodu qed jingħata l-aħħar tislima, il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Sonny Portelli, li serva f’diversi karigi ta’ tmexxija f’pajjiżna sew fi ħdan is-settur pubbliku kif ukoll mal-privat.
Sonny Portelli kien figura prominenti li tat servizz impekkabbli b’dedikazzjoni f’diversi setturi tal-ekonomija Maltija. Is-snin ta’ servizz li ta lil pajjiżna jibqgħu karatterizzati mis-serjetà, l-integrità u l-kompetenza professjonali tiegħu kull fejn serva.
B’mod partikolari, Sonny Portelli jibqa’ mfakkar għar-rwol importanti tiegħu fit-tmexxija tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) bħala Chairman tal-Kunsill bejn l-2007 u l-2013. Dan minbarra li serva wkoll bħala Chairman tal-Air Malta u tal-HSBC Malta.
Fit-tmexxija tal-MCESD Portelli kkontribwixxa biex jitkattar id-djalogu soċjali fil-pajjiż u ħadem ħafna biex jippromwovi l-għaqda bejn l-imsieħba soċjali f’diversi setturi importanti.
Il-Partit Nazzjonalista jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja ta’ Sonny Portelli.
//= $special ?>