Iż-żieda ta’ 5.2% sal-aħħar tal-2024 fil-prezzijiet tad-djar f’Malta hi inkwetanti u qed tolqot lil kulħadd, partikolarment lil dawk li jridu jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, iżda mhux biss. Din iż-żieda, li toħroġ minn ċifri li ġew ippubblikati din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, hi ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea (4.9%) u taż-Żona Ewro (4.2%). L-istatistika turi wkoll li fl-aħħar disa’ snin, kien hemm żieda ta’ 65% fil-prezzijiet tad-djar f’pajjiżna. Dawn iż-żidiet iridu jittieħedu wkoll fil-kuntest tal-għoli tal-ħajja dejjem jiżdied, u l-fatt li f’Malta l-pagi jibqgħu baxxi filwaqt li l-prezzijiet tal-aktar affarijiet essenzjali dejjem qed jiżdiedu, fosthom il-kirjiet.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Ivan Bartolo, ix-Shadow Minister għall-Familja Albert Buttigieg u x-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello fid-dawl tal-fatt li qed naraw kif dejjem aktar persuni mhux qed jirnexxilhom jaslu biex jixtru proprjetà tagħhom u allura, qed ikollhom jikru.
Dan fl-istess ħin li qed naraw żidiet eżorbitanti fil-prezzijiet tal-kirjiet, b’kirja ta’ appartament illum saħansitra saret tiswa aktar minn paga medja sħiħa – sitwazzjoni li waslet minħabba l-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista li jkabbar il-popolazzjoni bla pjan, xi ħaġa li qed tħalli impatt negattiv anke fuq is-settur tal-proprjetà u fuq il-pagi.
Ix-Shadow Ministers tennew li huma ħafna, partikolarment iż-żgħażagħ, li l-ħolma li jkollhom proprjetà tagħhom qed tibqa’ biss ħolma. Quddiem dan kollu, il-Gvern jibqa’ jiftaħar li pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha, imma fir-realtà dan il-ġid mhux qed jasal għand kulħadd.
Il-kelliema tal-PN spjegaw kif, pereżempju, persuna singlef’Malta llum għandha salarju medju ta’ €21,000 fis-sena u żgur ma tistax tixtri proprjetà li tiswa mill-anqas €171,000 hekk kif 95% tal-proprjetajiet fis-suq bħalissa jiswew aktar minn hekk. Bl-istess mod, koppja bi dħul medju wkoll issib diffikultà li tlaħħaq mal-prezz ta’ 60% tal-proprjetajiet li hawn fis-suq, anke jekk jissellfu mill-banek.
Dan qed iwassal biex ċerti żoni fil-pajjiż huma ferm diffiċli biex jintlaħqu minn dawn il-persuni li jridu jixtru proprjetà. Apparti li qed iwassal ukoll biex dawn l-istess lokalitajiet differenti ta’ pajjiżna qed jispiċċaw jitilfu l-identità u l-patrimonju storiku tagħhom, b’terraced houses, townhouses u semi-detached villas jitwaqqgħu biex minflokhom jittellgħu blokok ta’ appartamenti li l-prezzijiet tagħhom xorta jibqgħu mhux affordabbli għall-Maltin u qed jinbnew bil-ħsieb li jinkrew jew lil ħaddiema barranin, inkella lit-turisti. Dan qed iwassal biex jintilfu s-sens ta’ komunità u belonging.
Il-Maltin u l-Għawdxin qed isibu diffikultà kbira biex ifaddlu biżżejjed flus biex jagħmlu mqar l-ewwel depożitu għall-proprjetà. Pereżempju, qed naraw dejjem aktar żgħażagħ li qed jagħżlu li jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom għal aktar żmien jew ikollhom jieħdu self kbir li jwassalhom għal pressjoni finanzjarja kbira. Oħrajn jibqgħu jiddependu fuq l-għajnuna finanzjarja tal-ġenituri tagħhom. Għandna wkoll ir-realtà ta’ żgħażagħ li qed jieħdu d-deċizjoni li ma jiżżewġux qabel jagħlqu 30 sena u oħrajn li qed ikollhom it-tfal bejn 30 u 35 sena, jew saħanistra ta’ 40 sena. Koppji oħra qed jagħżlu li ma jkollhomx tfal minħabba d-diffikultajiet finanzjarji u l-loans mill-banek biex jixtru djarhom, minkejja li jkunu jixtiequ li jsiru ġenituri.
Il-Gvern Laburista għażel li jindirizza din il-problema billi jitfa’ l-flus li kellu l-effett li ħafna sidien jgħollu l-prezzijiet għax jafu li hemm għajnuna diretta mill-gvern. Tant li Anke Robert Abela kien ħareġ jappella lis-sidien biex ma jgħollux il-prezzijiet.
Il-kelliema tennew li l-problema tal-prezzijiet tal-proprjetà hi waħda serja u li tinħtieġ soluzzjonijiet konkreti. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista diġà ppropona numru ta’ miżuri biex jgħin persuni jsiru sidien ta’ djarhom. Fost dawn il-miżuri hemm:
· Għotjiet u skemi ta’ għajnuna għal min ikun qed jixtri l-ewwel dar;
· Tnaqqis tat-taxxi fuq ix-xiri ta’ proprjetà għal min ikun għadu taħt ċerta età;
· Skemi ta’ self b’rati aktar favorevoli għall-ewwel xiri;
· Pjanijiet biex jinħolqu aktar proprjetajiet affordabbli f’zoni apposta għall-ewwel xiri;
· Għotja ta’ €25,000 lil dawk iż-żgħażagħ li jkunu qed jixtru l-ewwel dar tagħhom;
· Kollaborazzjoni mal-banek biex jipprovdu self b’rati aktar favorevoli u f’termini aktar flessibbli għal min qed jixtri l-ewwel proprjetà;
· Titneħħa jew titnaqqas drastikament it-taxxa fuq l-ewwel €200,000 tal-valur tal-proprjetà għal dawk li qed jixtru l-ewwel dar tagħhom;
· Ikunu identifikati artijiet pubbliċi biex jinbnew zoni apposta għal proprjetà affordabbli, li tkun immirata għal dawk li qed ifittxu l-ewwel dar tagħhom;
· Aktar kontroll u regolamenti fuq is-suq tal-kera biex ikun żgurat li l-prezzijiet ikunu ġusti u sostenibbli;
· Aktar kontroll fuq is-suq tal-kera biex ma jkunx hemm abbużi jew prezzijiet eżaġerati.
Din hija l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista biex aktar persuni jkollhom l-opportunità jsiru sidien ta’ djarhom u jgħixu ħajja aħjar, b’aktar sigurtà u, fuq kollox, b’aktar indipendenza finanzjarja.