Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li mess mara kontra l-volontà tagħha

Xufier tal-‘cabs’ ta’ 36 sena nżamm arrestat wara li kien akkużat li mess mara kontra l-volontà tagħha. Waqas Hassan, ċittadin Pakistani li jgħix San Pawl il-Baħar, tressaq il-Qorti l-Ġimgħa wara nofsinhar, fejn wieġeb mhux ħati li wettaq att mhux kunsenswali ta’ natura sesswali.

L-ispettur Roderick Attard qal lill-Qorti li fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu tat-8 ta’ April, il-pulizija ġiet infurmata bil-każ. L-allegata vittma, Żvediża ta’ 20 sena, li isimha ma jistax jiġi ppubblikat b’ordni tal-Qorti, qalet lill-pulizija li rikbet “Bolt” minn Paceville għad-dar tagħha fis-Swieqi.

L-akkużat saqha lejn id-dar tagħha, qabel ma baqa’ sejjer Buġibba fejn allegatament messha mingħajr il-kunsens tagħha. L-Ispettur tal-pulizija żied jgħid li l-mara qaltilhom li kienet fis-sakra waqt l-inċident. Qabel ma seta’ jispjega aktar, l-avukat difensur Nicholas Mifsud qal li kien aktar interessat li jkun jaf iċ-ċirkostanzi madwar l-arrest tal-klijent tiegħu aktar milli l-merti tal-każ.

L-Ispettur Attard qal li ntalab mandat ta’ arrest, u kkonferma li ma sabux lill-akkużat id-dar meta marru biex jarrestawh. Madankollu, b’mod volontarju mar fl-Għassa ta’ San Ġiljan. Huwa ġie arrestat fuq il-post u ngħata l-ittra tad-drittijiet u r-raġunijiet għaliex kien qed jiġi arrestat.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Dr. Mifsud talab il-libertà proviżorja. Il-Prosekutur Jennifer Polidano oġġezzjonat u qalet li l-akkużat jaf fejn toqgħod l-allegata vittma u li kienet għadha ma xehditx.

Saħqet ukoll in-nuqqas ta’ rabtiet tar-raġel ma’ Malta. L-Avukat Mifsud irribatta u qal li r-raġel ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar tliet snin, u n-natura tar-reat ma tistax tkun oġġezzjoni ewlenija meta wieħed jargumenta kontra r-raġel li ngħata l-libertà proviżorja.

Saħaq li l-klijent tiegħu u l-vittma ma kinux jafu lil xulxin, u fi kwalunkwe każ, il-qorti tista’ toħroġ ordni ta’ protezzjoni u kundizzjoni miżjuda biex ikun żgurat li ma jgħaddix mit-triq fejn toqgħod hi. Dan ikun minbarra l-kundizzjonijiet tas-soltu tal-pleġġ.

L-avukat difensur saħaq li jekk ir-raġel, li għadu preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati, jinżamm f’kustodja preventiva jitlef il-Permess ta’ Xogħol Uniku, “għax hekk taħdem Identità, mal-minuta li tidħol il-ħabs titlef il-permess ta’ residenza”. Il-Maġistrat Noel Bartolo, li ppreseda l-Qorti, ċaħad lir-raġel il-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Tiziana Micallef assistiet ukoll lill-akkużat.