Is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija tal-Mosta se tkun qed ittella’ kunċert b’ġabra ta’ marċi funerbi u siltiet bl-isem ta’ ‘La Redenzione’.
‘La Redenzione’, li se jittella’ nhar it-Tnejn 14 ta’ April fit-8pm, fil-Bażilika Rotunda tal-Mosta se jkun mmexxi mis-Surmast Direttur Wayne Bartolo flimkien mal-Assistent Surmast Rachela Farrugia.

Il-kunċert mtella’ mis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija se jikkonsisti f’mużika, letteratura u animazzjoni.
Bl-aspett mużikali jkun jikkonsisti minn 10 biċċiet; ħames marċi funerbi u ħames siltiet, b’kitba ta’ kompożituri varji, fejn saħanistra se jindaqqew żewġ marċi funebri ġodda.
Fost il-marċi se jkunu, ‘In Memoriam Joseph Vassallo’ ta’ Wayne Bartolo, ‘Alla Memoria di Tessie Bartolo’ minn Rachela Farrugia, ‘Ġetsemani’ minn Ray Sciberras, ‘La Crocifissione’ ta’ Giovanni Giumarra u ‘Mater Dolorosa’ ta’ Vincenzo Ciappara.
Dak li se jattendi se jkun jista’ jisma’ siltiet miktuba minn kompożituri lokali u anke internazzjonali; ‘Anno Domini XXXIII’ ta’ Ray Sciberras, ‘Ave Verum Corpus’ ta’ Wolfgang Amadeus Mozart, ‘The Passion of the Christ’ arranġament ta’ Michael Worek, ‘Pie Jesu’ ta’ Karl Jenkins u ‘O Signore Nostro Dio’ ta’ Mons. Marco Frisina.
Mal-Banda Santa Marija, se jingħaqdu wkoll is-Sopran Claire Caruana, it-Tenur Georg Zammit u l-Kor Marija Assunta taħt it-tmexxija ta’ Bernard Bezzina.
Minn aspett letterarju, wieħed se jkun jista’ jisma’ l-ħsibijiet riflettivi mill-Professur George Cassar, filwaqt li se jsiru animazzjonijiet minn Joshua Grogan.
Il-kunċert se jsir bi preżentazzjoni ta’ Joseph Chetcuti.
Dan il-kunċert qed isir propju fil-Ġimgħa Mqaddsa, hekk kif bosta madwar pajjiżna jerħula lejn iċ-ċentru tar-raħal tagħhom f’dawn iż-żminijiet.
Għal darba oħra, din is-Soċjetà Mostija se tkun qed tagħti s-sehem tagħha wkoll fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Mosta. Hekk kif mat-tokki tal-5:30pm nhar il-Ġimgħa l-Kbira, se tkun qed tiftaħ il-purċissjoni b’żewġ marċi funebri fuq iz-zuntier fejn mbagħad tieħu postha quddiem l-istatwa ta’ Ġuda.

Jindaqq ukoll il-marċ kbir b’Tislima lil Karmena Vassallo ta’ Maestro Ray Sciberras u li jaf l-oriġini tiegħu mill-Banda Santa Marija fl-1986.
//= $special ?>