Lokali

MCAST: Tliet snin ta’ inċertezza għalxejn

Il-PN jinnota li sa fl-aħħar intlaħaq qbil fuq il-Ftehim Kollettiv: il-Gvern kellu jaċċetta kważi l-proposti kollha li għal tliet snin sħaħ kien qed jirrifjuta

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li, sa fl-aħħar, il-Ftehim Kollettiv tal-MCAST ġie konkluż, wara tliet snin ta’ inċertezza.

Fi stqarrija x-Shadow Ministers Justin Schembri, Ivan Castillo u Bernice Bonello spjegaw li matul dan il-perjodu, il-Gvern ħoloq sitwazzjoni fejn l-istudenti baqgħu jsofru l-konsegwenzi ta’ dewmien żejjed – dewmien li, ironikament, spiċċa biex il-Gvern kellu jaċċetta kważi l-proposti kollha li għal tliet snin sħaħ kien jirrifjuta. Dan ifisser li t-tbatija u t-qtigħ il-qalb li għaddew minnu dawk kollha milquta minn din is-saga kienu għalxejn.

Għalkemm issa l-Kulleġġ jista’ jerġa’ jibda miexi ’l quddiem, dan ma jbiddilx il-fatt li ġew mitlufa tliet snin ta’ qtigħ il-qalb  li affettwaw lill-istudenti, il-letturi, u l-gradi kollha involuti f’din il-kriżi.

Il-Partit Nazzjonalista baqa’ jsegwi s-sitwazzjoni mill-qrib, filwaqt li għamel pressjoni kostanti fuq il-Gvern sabiex ma jkomplix itawwal. Fl-istess waqt, wera b’mod ċar in-nuqqasijiet strutturali li ħarġu fil-beraħ – mhux biss f’dan il-ftehim kollettiv, imma wkoll f’bosta oħrajn, fejn id-dewmien ikkawża ħsara diretta minħabba nuqqas ta’ tmexxija u determinazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista żamm kuntatt kontinwu mal-istudenti u r-rappreżentanti tagħhom, fosthom il-Kunsill Studenti MCAST, kif ukoll mal-letturi u l-MUT.

Il-Partit Nazzjonalista issa jappella lill-Gvern u lill-MCAST sabiex jassiguraw li l-istudenti affettwati jingħataw is-sostenn u l-opportunitajiet meħtieġa biex jirkupraw dak li tilfu matul dawn l-aħħar snin. Fl-istess waqt, jawgura li dan l-episodju li tappan ir-reputazzjoni tal-MCAST jiġi megħlub fl-iqsar żmien possibbli.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex jisma’ l-kritika kostruttiva tal-Oppożizzjoni, speċjalment fejn jidħol il-bżonn ta’ aktar riżorsi lill-Industrial Relations Unit (IRU), sabiex dawn is-sitwazzjonijiet ma jerġgħux iseħħu fil-futur.

Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li dan id-dewmien jiġi eliminat, billi jiġu allokati l-ħin u r-riżorsi meħtieġa biex ftehimiet bħal dawn jingħalqu fi żmien xieraq.

Finalment, il-PN jawgura lil kull trade union f’pajjiżna u jirringrazzjahom għall-ħidma kontinwa tagħhom favur il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.