minn Charles Bonello
Is-Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista
Hekk kif il-Partit Nazzjonalista għaddej bit-tħejjijiet tiegħu għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħadd li jaħbat nhar il-Ħamis li ġej, nista’ ngħid li għaddejjin b’ħidma ma taqta’ xejn fuq diversi livelli. Fost l-oħrajn għaddejjin b’ħafna xogħol – bosta minnu li ma jidhirx – b’rabta mat-tħejjijiet tal-Elezzjoni Ġenerali biex tasal meta tasal, inkunu ppreparati.
Fost l-oħrajn din il-ħidma hi ffukata fuq il-proċessi elettorali, il-ġabra tal-proposti għall-Programm Elettorali, tfittxija għall-kandidati imma wkoll hi importanti ħafna l-konvinzjoni tan-nies li jafdaw lill-Partit Nazzjonalista.
Nifhem, anki fid-dawl ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika li ħarġu reċentement, li l-messaġġ tan-nies hemm barra hu li rridu naħdmu ħafna u ħafna aktar. L-agħar ħaġa li xi ħadd jista’ jiġrilu hi li quddiem diffikultà, jaqta’ qalbu.
Jien determinat li mhux biss ma naqtax qalbi, iżda li nkompli naħdem qatigħ u nara u nassigura li fejn nistgħu nagħmlu aktar, nagħmlu aktar. Nistqarr li qed naħdmu ħafna, iżda b’daqshekk mhux kuntent għax jien dejjem irrid ferm u ferm aktar. Jien qatt ma jien kuntent bil-volumi ta’ xogħol u ħidmiet li nkunu qed nagħmlu u nirsisti dejjem li rrid dejjem ħafna aktar. Il-mistoqsija li bosta drabi nagħmel lili nnifsi hi: X’ma għamiltx? Stajt nagħmel aktar? Stajt nagħmel aħjar?
F’dan il-kwadru mbagħad jien nistenna li kulħadd jagħmel ħafna aktar. Jien bniedem fejn dak li jkun hu jrid li jimxi bil-pass tiegħu u mhux jien nimxi bil-pass tiegħu. Dan fis-sens li aktar ma jkollna diffikultajiet, aktar irridu nkunu determinati li naħdmu u naħdmu b’ritmu mill-aktar qawwi.
Dejjem emmint fil-prinċipju li aktar ma toqrob lejn il-linja finali, allura aktar trid iżżid l-isforzi u l-enerġiji tiegħek biex tilħaq it-tragwardi li jkollok f’moħħok u li tkun ħdimt għalihom.
Tislima lill-ħaddiema kollha
Hu f’dan il-kwadru li l-jiem li ġejjin għall-Partit Nazzjonalista huma jiem ferm importanti għaliex fihom irid li jiċċelebra mhux biss kif jixraq Jum il-Ħaddiem, imma jrid isellem lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha.
Irridu naħdmu ferm aktar biex inkomplu nirbħu aktar il-fiduċja tal-ħaddiema. Il-Partit Nazzjonalista, sia meta kien fl-Oppożizzjoni u sia meta kien fil-Gvern, dejjem ħadem għall-ġid veru tal-ħaddiema u b’dan għandna għalfejn niftaħu għaliex għalina l-ħaddiem hu pilastru ferm importanti. Aħna, bil-fatti, dejjem urejna li għandna qalbna mal-ħaddiema.
Niftakar lill-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami jitkellem dwar il-ħaddiem u jisħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu għal qalbu l-interessi tal-ħaddiema. Dan hu kollu minnu u anki jien illum ma niddejjaq xejn nirrepeti dan il-messaġġ li aħna bħala Partit Nazzjonalista tassew li għandna għal qalbna l-interessi tal-ħaddiema.
Aħna rridu nassiguraw li l-ħaddiem mhux biss jgħix aħjar u jkollu kundizzjonijiet tax-xogħol ferm aħjar milli għandu, imma li dan kollu jkun ifisser li l-familja kollha jkollha kwalità ta’ ħajja aħjar… inkluż it-tfal u dawk kollha li jkunu qed jistudjaw biex jimxu ’l quddiem fil-karriera tagħhom.
Meta għandek il-ħaddiem igawdi minn kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol u minn kwalità aħjar ta’ ħajja, allura awtomatikament se jkollok soċjetà li tgħix aħjar u b’mod aktar trankwill.
Il-Partit Nazzjonalista jfittex li dejjem joħloq niċeċ ġodda u opportunitajiet ġodda u settur ġodda ta’ xogħol u impjiegi kif għamel kull meta kien fil-Gvern, jemmen li dawn ix-xogħlijiet b’pagi tajbin ikunu ferm importanti fl-istil ta’ ekonomija li mmexxu fil-pajjiż fejn allura l-ħaddiem ikun fiċ-ċentru u t-taħriġ ikun kontinwu.
Aħna rridu nkunu l-aqwa fid-dinja u rridu li ngawdu minn reputazzjoni tajba. Hawn hekk irridu li nkunu l-aqwa fid-dinja u mhux bħal dan il-Gvern Laburista li kapaċi jkun l-aqwa fid-dinja fejn tidħol il-korruzzjoni u t-taħwid; tal-mistħija kif dan il-Gvern Laburista kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista hu determinat li għall-Elezzjoni Ġenerali jippreżenta sett ta’ proposti li jkunu jiggarantixxu lil kulħadd li inti bħala ħaddiem, bħala familja, bħala student se tkun ferm u ferm aħjar mill-mod kif tgħix illum.
Dan hu l-messaġġ li rridu nibagħtu nhar il-Ħamis li ġej fejn irridu nwasslu r-rikonoxximent tagħna lejn il-ħaddiema tagħna kollha – huma min huma u huma f’liema post tax-xogħol huma. Iva, aħna nirrikonoxxu s-sagrifiċċji li l-ħaddiema jagħmlu u aħna kburin bil-ħaddiema sia tax-xogħol tal-idejn u anki sia tax-xogħol tal-moħħ. Nemmnu li l-ħaddiema kollha huma ferm importanti għal pajjiżna.
Se niċċelebraw il-ħaddiem u se nirrigrazzjawh tal-impenn u tas-sagrifiċċji tiegħu u tas-sehem tiegħu biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun tista’ timxi ’l quddiem. Iva, il-ħaddiema jistħoqqilhom kull rikonoxximent.
Nixtieq li f’dan il-mument inżid nirringrazzja wkoll lin-negozjant; lil dawk li jħaddmu lin-nies. Għaliex dawn ukoll huma ħaddiema ferm importanti u jkollhom il-problem tagħhom biex jassiguraw li n-negozju tagħhom jitmexxa b’serjetà u bi professjonalità. Dawn huma nies li jqallbu ħajjithom biex imexxu fid-direzzjoni t-tajba n-negozju tagħhom. Fosthom ukoll lil dawn li għandhom negozji żgħar; lil dawk li għandhom in-negozji tal-familja li wkoll jagħtu kontribut mill-aktar importanti għall-ekonomija tal-pajjiż.
Aħna nirrikonoxxu lil kulħadd. Għax bil-ħaddiem biss dan il-pajjiż ma jimxix u bin-negozjanti biss dan il-pajjiż ma jimxix. Aħna rridu lil kulħadd biex il-pajjiż ikun jista’ tassew jimxi ’l quddiem u jkattar il-ġid.
Hu għalhekk li nhar il-Ħamis il-Partit Nazzjonalista se jorganizza festa familja għall-familja kollha. Stands tal-ikel u stands oħrajn. Attività li tingħalaq bi ftit messaġġi żgħar, fosthom ukoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u nistieden lil kulħadd biex jattendi, jieħu gost u jirċievi l-messaġġ tagħna; messaġġ ta’ tama u fiduċja għaliex aħna tassew nemmen li dan il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ferm aħjar.
Tislima lil Francis Zammit Dimech
Se nkunu qed nagħtu tislima wkoll lill-ħabib tagħna Francis Zammit Dimech li ħalliena fil-jiem li għaddew. Francis Zammit Dimech jibqa’ mfakkar għal numru ta’ proġetti ferm importanti li għamel. Imma Francis Zammit Dimech jibqa’ mfakkar l-aktar għax kien persuna ta’ lealtà. Lealtà assoluta kemm f’mument tajbin imma anki f’waqtiet xi ftit inqas tajbin. Fl-aktar mumenti diffiċli xorta waħda baqa’ jirsisti u jaħdem għall-interessi tal-Partit Nazzjonalista. Kien persuna ta’ lealtà indiskussa.
Aħna se nkomplu l-mixja tagħna biex finalment din il-mixja nwassluha b’suċċess. Biex dan isir hu importanti li l-mixja nagħmluha lkoll flimkien. Anki jekk iffaċċjati minn numru ta’ diffikultajiet. Quddiem dawn id-diffikultajiet l-impenn tagħna jrid jikber u jiżdied ħalli naslu u naslu b’suċċess.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 27 ta’ April, 2025.
//= $special ?>