Lokali

“Sfida li tirrapreżenta vjaġġ iebes” – Miguel Mifsud

“Din l-isfida tirrapreżenta l-vjaġġ ta’ dawk kollha li qed jippruvaw jiġbru lura ħajjithom”

Sostna dan l-eks futboler Miguel Mifsud, il-persuna li wara snin bil-vizzju ikrah tad-droga għażel li jfittex l-għajuna u jdur fuq il-Caritas. Sabiex illum qiegħed f’pożizzjoni li jiżra l-kuraġġ f’dawk kollha li jinsabu maħkuma mill-vizzju tad-droga.

Fil-passat, Miguel kien għamel żmien ta’ riabilitazzjoni fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas biex jikseb ħajtu lura minn dipendenza ta’ numru ta’ snin fuq sustanzi. U huwa għal dan l-iskop li fl-aħħar snin wettaq numru ta’ sfidi b’risq Caritas Malta u biex iqajjem kuxjenza favur ħajja sana ’l bogħod mid-droga u biex wara kollox jagħmel kuraġġ lil dawk li bħalissa huma maħkumin minn xi vizzju.

Fuq il-programm NETLIVE Miguel Mifsud saħaq li din l-isfida tirrapreżenta dik iż-żerriegħa ta’ tama li anke jekk tkun fl-iktar mument ħażin fil-ħajja tiegħek – int xorta waħda tista’ tagħżel li tibdel ħajtek u tilqa’ l-isfidi kollha.

Fuq Net TV, hu stqarr li apparti l-isfida innifisha li ġabitlu sodisfazzjon kbir – hu qed ikompli jaħdem sabiex jaspira nies oħra jersqu lejn il-Caritas u jagħmlu dak il-pass diffiċli.

Miguel Mifsud irringrazzja lil dawk kollha li marru jappoġjawh waqt din il-ġirja hekk kuraġġuża – ġirja ta’ ‘l fuq minn 22 siegħa.

Hu sostna wkoll li fiżikament ma kinietx faċli – però bil-ħsieb li ser jgħin jinġabru l-flus għall-Caritas u li qed ikompli jixpruna l-għarfien dwar l-effetti ta’ dan il-vizzju qerriedi – Miguel kompla għaddej sakemm lesta din l-isfida.

Miguel Mifsud  għalaq billi għal darb oħra appella lil dawk kollha li għaddejjin minn problemi ta’ droga u ta’ saħħa mentali sabiex jersuq ‘l quddiem u jitkellmu – mhux biss għalihom imma anke minħabba l-uġiegħ li jikkawżaw lil dawk l-aktar viċin tagħhom.