Lokali

Grupp ta’ żgħażagħ se jagħmlu vjaġġ minn Malta sal-Mongolja b’risq Hospice Malta

Grupp ta’ żgħażagħ Maltin, Karl Galea, Ben Spiteri, Alexander Cauchi u Michael Mallia, se jkunu qegħdin jagħmlu vjaġġ minn Malta sa’ Ulaanbataar fil-Mongolja b’risq Hospice Malta permezz ta’ karozza vintage tal-għamla Daihatsu Sirion. Dan il-vjaġġ tawh il-motto Rotta Bla Kondotta, hekk kif huma m’għandomx pjan fiss għal dan il-vjaġġ, minbarra l-għan li jiġbru l-flus għal din il-kawża.

Huma se jsuqu minn 22 pajjiż f’perjodu ta’ madwar 6 ġimgħat sabiex jinġabru fondi u jqajmu kuxjenza għal din il-kawża tant importanti.

Huma se jitilqu minn Malta fl-1 ta’ Lulju, u se jgħaddu minn dawn il-pajjiżi: Malta → Italja → Albanija → Montenegro → Kosovo → Serbja → Maċedonja ta’ Fuq → Bulgarija → Turkija → Armenja → Ġeorġja → Russja → Turkmenistan → Użbekistan → Taġikistan → Kirgistan → Każakstan → Mongolja. Dan il-vjaġġ se jkopri kważi 20% taċ-ċirkonferenza tad-dinja.

Net News tkellem mal-moħħ ta’ wara dan il-vjaġġ, Karl Galea, li semma li waqt li hu kien qed jagħmel l-O-Levels, hu kien ra grupp ieħor ta’ żgħażagħ li għamlu vjaġġ simili sal-Mongolja, u min hemm ġietu l-ispirazzjoni li malli jlesti l-kors tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta hu wkoll jagħmel dan il-vjaġġ – u issa hu qiegħed jagħmel l-aħħar semestru tal-kors, u eżatt malli lesti hu se jkun qiegħed jitlaq għal dan il-vjaġġ flimkien ma’ sħabu.

Sostna magħna wkoll li huma ddeċidew li jiġbru l-fondi għal Hospice Malta minħabba li huma kellhom xi familjari li ngħataw l-għajnuna minn Hospice Malta, u b’hekk huma riedu jagħtu xi ħaġa lura talli għenu tant lil familji tagħhom.

Wieħed jista jgħin lil dawn iż-żgħażagħ u jagħti donazzjoni għal din il-kawża billi jidħol hawn: https://zaar.com.mt/projects/rotta-bla-kondotta-malta-to-mongolia/