Lokali

“Il-ġenerazzjoni li jmiss jeħtieġ tibqa’ tiċċelebra l-valuri Ewropej” – Roberta Metsola żżur l-iskejjel

Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola żammet mal-wegħda li għamlet fl-elezzjonijiet ta’ sena ilu u qed tibqa f’kuntatt maż-żgħażagħ biex tisma kif huma jixtiequ jfasslu l-futur ta’ pajjiżhon u tal-Unjoni Ewropea. Fi żjara f’żewġt iskejjel f’Malta din il-ġimgħa, hi saħqet fuq l-importanza li iż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom u jinvolvu ruħhom fil-politika.

L-ewwel żjara kienet f’St Dorothy’s Senior School, f’Ħaż żebbuġ. Din l-iskola dan l-aħħar saret waħda mill-Iskejjel Ambaxxaturi tal-Parlament Ewropew wara li ħadet sehem fil-programm tal-Parlament bl-istess isem. Grupp ta’ studenti mill-iskola kellhom ukoll l-opportunità li jżuru l-Parlament Ewropew fi Strasburgu biex jipparteċipaw fil-programm Euroscola. B’rikonoxximent tas-suċċess tagħhom ġew preżentati b’ċertifikat mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt żjara li għamlet fl-iskola.

Il-President Metsola irringrazzjathom għall-impenn tagħhom u dak ta’ tant studenti u għalliema oħra madwar l-Ewropa. Qalet li permezz tas-sehem tagħhom, dan il-programm qiegħed isir dejjem aktar ta’ suċċess billi jħeġġeġ ċittadinanza attiva fost żgħażagħ Ewropej. Kompliet li illum aktar minn qabel, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini huwa kruċjali għall-Ewropa biex tkun tista’ taffronta l-isfidi li għandha quddiemha b’kunfidenza u tama. Saħqet li l-ġenerazzjoni li jmiss trid tippromwovi l-valuri Ewropej.

Roberta Metsola żaret ukoll il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat, magħrufa aħjar bħala l-iskola ta’ Sant Agatha. Hemmhekk hija intlaqgħet b’kant mill-istudenti li għall-okkażjoni ħadmu fuq kanzunetta li tipromwovi d-diversità.

Il-President Metsola żaret il-klassijiet, fejn irrispondiet mostoqsijiet tal-istudenti – minn kif taħdem l-Unjoni Ewropea, sa jekk kinitx tħobb il-matematika meta kienet għadha studenta.

Fl-iskola sekondarja, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista iltaqgħet mal-għalliema u rringrazzjathom għall-impenn tagħhom biex iħarġu l-ġenerazzjoni li jmiss. Hija kellha ukoll sessjoni ta’ mistoqsijiet u risposti ma’ studenti tas-sekondarja.

Dawn l-iskejjel huma fost sensiela ta’ żjarat fi skejjel li qed tagħmel biex tħeġġeġ aktar is-sehem taż-żgħażagħ fil-politika. Din is-sena hija żaret ukoll l-iskola San Anton fl-Imġarr u Santu Wistin f’Tal-Pietà.