Lokali

L-estremisti tal-Labour jattakkaw anke lill-Ombudsman

Il-klikka estremista tal-Partit Laburista kompliet bl-attakki fuq l-istituzzjonijiet hekk kif qed tibqa’ trewwaħ biex tferrex dan is-sentiment ta’ antagoniżmu lejn dawk kollha li f’għajnejhom huma kritiċi lejn il-Gvern; manuvri li qed jitmexxew l-aktar minn nies bħal Jason Micallef, Neville Gafà u Karl Stagno Navarra.

Dawn l-estremisti tal-Labour mhux jaraw limitu, u spiċċaw superjuri fuq il-klikka tal-Mexxej Laburista Robert Abela.

L-aktar każ riċenti huwa l-attakk ta’ Neville Gafà fuq l-Ombudsman Joe Zammit McKeon. Bl-esponent Laburista juża aġġettivi bħal “puppatur” u “ardit”.

L-eks Imħallef spiċċa fil-mira tal-klikka estremista tal-Labour, u kien l-aħħar vittma ta’ dawn l-artikli għoxxeni li qed jiġu ippubblikati online regolarment – artikli bl-addoċċ, b’lingwaġġ aħrax u partiġġjan, u f’turija ċara li Abela tilef kull kontroll.

Fl-aħħar jiem, l-estremisti tal-Labour komplew ixerrdu din in-narrattiva aggressiva kontra l-Partit Nazzjonalista u dawk kollha li ma jaqblux miegħu tant li Neville Gafà qed jinsisti li hemm impjiegi mal-Gvern li għandhom imorru għal-Laburisti biss.

Fil-fatt, jekk qatt kien hemm dubju min qed imexxi lill-Partit Laburista bħalissa, illum dan nistgħu neliminawh għal kollox – il-fanatiċi u l-estremisti Laburisti għandhom mhux biss lill-Prim Ministru Robert Abela f’idejhom imma anke lill-bqija tal-Ministri. U jekk int Nazzjonalist, ma tistax taħdem mal-Gvern Laburista.