Internazzjonali

Trump iħeġġeġ lir-Russja biex “taġixxi” fuq waqfien mill-ġlied

Ir-Rappreżentat Amerikan Steve Witkoff iltaqa’ ma’ Vladimir Putin f’San Pitruburgu nhar il-Ġimgħa, hekk kif Donald Trump ħeġġeġ lill-President Russu biex “jaġixxi” favur waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna.

Il-Kremlin qal li l-laqgħa damet aktar minn erba’ sigħat, u ffukat fuq aspetti ta’ soluzzjonijiet għall-kunflitt fl-Ukrajna. Id-diskussjonijiet, li kienu t-tielet laqgħa ta’ Witkoff ma’ Putin din is-sena, ġew deskritti bħala produttivi mill-inviat speċjali Kirill Dmitriev.

Trump wera diżappunt lejn Putin dwar l-istat tan-negozjati. Dan ġie hekk kif l-inviat ta’ Trump għall-Ukrajna, Keith Kellogg, ċaħad li qatt ma ssuġġerixxa li l-pajjiż għandu jinqasam.

Trump kien diġà qal qabel li seta’ jwaqqaf il-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja fi żmien 24 siegħa. Tant li nhar il-Ġimgħa, Trump iddikjara li l-gwerra lanqas biss kienet isseħħ kieku kien fil-White House fl-2022 meta r-Russja nediet l-invażjoni sħiħa tagħha.

Fi Frar, uffiċjali Amerikani u Russi ltaqgħu fl-Arabja Sawdija għal-ewwel taħditiet wiċċ imb wiċċ tagħhom minn meta bdiet l-invażjoni. L-uffiċjali iltaqgħu wkoll sabiex jiddiskutu r-restawr tar-relazzjonijiet diplomatiċi sħaħ.

Trump kellu wkoll relazzjoni tensjonata ma’ Zelensky sa minn meta beda t-tieni mandat tiegħu bħala president Amerikan, relazzjoni li laħqet il-quċċata tagħha f’konfront sħiħ fl-Uffiċċju Oval fi Frar.

L-Istati Uniti ppruvaw jiffaċilitaw waqfien mill-ġlied limitat bejn l-Ukrajna u r-Russja fil-Baħar l-Iswed, iżda dan falliet meta l-Kremlin talab biex jiġu revokati s-sanzjonijiet imposti wara l-invażjoni sħiħa tar-Russja tal-pajjiż ġar tagħha.

Minn dakinhar, Trump qal li jinsab ferm irrabjat u mdejjaq ħafna b’Putin minħabba n-nuqqas ta’ progress fil-ftehim dwar twaqqif mill-ġlied bejn Kyiv u Moska.