Fl-istess ġimgħa li l-Gvern baqa’ għaddej gaffa bil-bidla fil-liġi tal-inkjesti maġisterjali, minkejja l-appelli ta’ bosta – ħareġ fil-beraħ kif il-Prim Ministru Robert Abela qed jikkunsidra li jemenda l-liġi tal-Kummissarju għall-Istandards, għax qed turtah il-ħafna kritika fuq l-imġieba allegatament mhux etika tal-Ministri tiegħu.
Dan intqal fl-editorjal ta’ The Malta Independent hekk kif l-editur insista mingħajr ma qagħad jomgħod kliemu li l-ebda Membru Parlamentari Laburista ma huwa kapaċi jqum jitkellem kontra l-istil awtoritarju li dan l-aħħar qed imexxi bih Abela; partikolarment wara li issa kważi għamilha impossibbli biex ċittadin normali jiftaħ inkjesta maġisterjali. Bir-riskju wkoll li min jitlob għal inkjesta jkollu joħroġ l-ispejjeż ta’ eluf ta’ ewro – u allura jaqta’ qalb dak li jkun milli jiftaħ ħalqu.
L-editur ddeskriva lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono bħal Ponzju Pilatu hekk kif ħaslet idejha u saħqet li l-Kostituzzjoni tobbligaha tiffirma l-liġi. Fil-verità…kellha għażla oħra, dik li tirriżenja u tiddeċiedi favur id-demokrazija.
Fl-editorjal jintqal kif Robert Abela jrid mhux biss jimmina d-demokrazija u baqa’ għaddej bl-emenda fil-liġi minkejja oppożizzjoni minn kull qasam, iżda issa huwa ċar li jrid jagħmilha ta’ Imħallef u ġurat dwar kwalunkwe kritika li jirċievi l-Gvern – fejn saħansitra ma jiddejjaqx jhedded lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li se juża s-saħħa legiżlattiva li għandu biex jagħlaq ħalq min ma jaqbilx miegħu. Bil-Kummissarju jwieġeb li l-Prim Ministru m’għandu qatt jindaħal f’dawn l-affarijiet.
L-editur insista li l-Prim Ministru reġa’ wera li hu d-difensur tal-imġieba ħażina u li jinsab lest biex mal-inqas opportunità jeżerċita għal darb’oħra is-saħħa leġiżlattiva li għandu.
L-editur għalhekk jistaqsi min imissu jaqla’ d-daqqa mingħand il-Prim Ministru; jekk hux l-Ombudsman, jew l-Awditur Ġenerali, jew kif smajna l-Kummissarju għall-Istandards. Fi kliem sempliċi, Abela jrid idgħajjef kull forma ta’ kritika, kull istitutzzjoni li jsib ta’ xkiel għalih…minflok ikompli jsaħħaħhom.
//= $special ?>