Bħala Partit Nazzjonalista aħna lesti naħdmu favur strateġija qawwija favur l-interess tal-pajjiż.
Nedejna il-viżjoni tagħna sentejn ilu, aħna rridu li dan il-pajjiż jimxi il quddiem, minħabba li dan huwa pjan fit-tul li jrid il-koperazzjoni mhux biss tal-imsieħba soċjali iżda bejn iż-żewġ partiti wkoll.
Sostna dan id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo meta kien mistieden fuq ix-Xandir tal-Istat fil-programm Vi jew Va ppreżentat mill-ġurnalist Albert Gauci Cunningham.
Ivan Castillo insista li se jkun hemm mumenti fejn ikun jeħtieġ kritika kostruttiva hekk kif iż-żewġ naħat ma jistgħu qatt jaqblu f’kollox
Ovvjament ħa jkun hemm fejn ikun hemm kritika kostruttiva; iżda biex din il-viżjoni għal pajjiż, għal 25 sena li ġejjin tkun ta’ suċċess għandu jinvolvi bi sħiħ lil kulħadd.
Huwa spjega li biex pajjiżna jimxi verament ‘il quddiem jeħtieġ maturità politika, mhux l-interess partiġjan iżda l-ħtiġijiet tal-poplu Malti u Għawdxi huma dawk li għandhom dejjem jiġu xprunati ‘il quddiem.
Id-Deputat Nazzjonalista insista fost oħrajn li b’mod pożittiv bi kritika kostruttiva wieħed jista’ jasal għal qbil u konklużjonijiet varji, bħal ma ġara fi snin passati meta Gvern Nazzjonalista beda jiftaħ in-niċeċ ekonomiċi bħal dawk tal-gaming u setturi finanzjarji.
Fost oħrajn huwa semma kif din il-viżjoni se tkun qed tindirizza l-carrying capacity tal-Gżejjer Maltin, ċioè kemm fil-verità b’mod fattwali pajjiżna jiflaħ nies b’mod sostenibbli.
Finalment huwa insista li Viżjoni 2050 ma tfissirx biss Gvern immexxi minn amministrazzjoni Laburista iżda dan jista’ jinbidel kemm-il darba. Għaldaqstant huwa appella sabiex verament Gvern Laburista jinvolvi b’mod serju mhux biss lill-imsieħba soċjali iżda anke lill-Partit Nazzjonalista bil-għan li l-istrateġija nazzjonali tkun imsejsa fuq kontinwità b’saħħitha.
//= $special ?>