Ikomplu jqumu dubji serji dwar l-għoti tat-tenders minn naħa tal-Gvern. Din id-darba kien imiss it-tender b’rabta mal-bini tal-isptar akut tas-saħħa mentali u l-estensjoni tal-Emerġenza.
L-ewwel rapporti minn The Shift News żvelaw li l-offerta li daħlet kienet ta’ 140 miljun ewro – cioè, id-doppju tal-istima oriġinali tal-Gvern.
Iżda, ftit tas-sigħat wara, is-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia żvela illi din kienet l-ewwel u l-unika offerta li daħlet fil-ħin stipulat tal-applikazzjoni.
Dan minkejja, li din l-offerta ma kinitx l-unika offerta li ġiet ippreżentata – iżda – surrealment – minħabba problemi fis-sistema elettronika, it-tieni offerta ma setgħetx tiddaħħal.
Il-kumpanija li kienet qed tixħet l-offerta tagħha, u li esperjenzat id-diffikultà fis-sistema, għamlet kuntatt mad-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex dan jiċċekkja direttament mal-amministrattur barrani li jieħu ħsieb is-sistema. Bid-dipartiment tal-kuntratti jgħarraf illi minħabba din il-problema teknika, kien se jaqa’ kollox.
Iżda surrealment – ftit wara, ittieħdet deċiżjoni li ma jsir assolutament xejn u għadaqstant għandha tgħodd l-ewwel u hekk l-unika offerta li daħlet. Cioè dik li talbet id-doppju minn dak stipulat mill-Gvern.
Kien fid-dawl ta’ dan kollu li tqajjmu dubji serji dwar dan it-tender tal-Gvern, hekk kif – kumbinazzjoni jew le – is-sistema waqgħet u għaldaqstant kumpanija waħda irnexxielha iddeħħal l-offerta fil-ħin.
Bil-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela flimkien mal-kollega tiegħu l-Ministru Clyde Caruana u d-DG tal-Kuntratti ġew infurmati.
Iżda sa issa, dwar dan il-każ….skiet assolut.
