Il-Partit Nazzjonalista jqis li l-ħaddiema huma s-sinsla tas-soċjetà. Għalina l-ħaddiem għandu valur imprezzabbli mhux biss għax-xogħol li jwettaq imma wkoll għax nemmnu li kull ħaddiem ħaqqu li jkollu ħajja ta’ kwalità.
Hekk kif ninsabu jiem ’il bogħod milli nfakkru l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sellem lill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin. F’intervista fuq NET TV, Bernard Grech tkellem dwar iż-żjarat li qed jagħmel f’numru ta’ postijiet tax-xogħol u spjega kif f’dawn iż-żjarat huwa jisma’ minn fomm il-ħaddiema nfushom l-isfidi u l-opportunitajiet li qed toffri d-dinja tax-xogħol. Huwa spjega wkoll il-proposti tal-Partit Nazzjonalista li huma intiżi biex jagħtu sostenn lis-sidien tan-negozji, lill-importaturi u lill-esportaturi anke permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa u fond ta’ għajnuna li jgħin lil dawn il-ħaddiema sabiex jiffaċċjaw l-isfidi li għandhom quddiemhom.
Sfida partikolari li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema hija t-tariffi li ħabbar il-Gvern Amerikan. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Robert Abela qed jagħżel li ma jitkellimx dwar din it-tema u qed jonqos milli jagħti s-serħan il-moħħ meħtieġ mill-importaturi u l-esportaturi Maltin. Bernard Grech sostna li l-Prim Ministru ma jistax jabdika minn din ir-responsabilità u għandu jagħti s-serħan l-moħħ lill-investituri Maltin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-Viżjoni 2050 mħabbra mill-Gvern. Huwa sostna li, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-importanza ta’ viżjoni għal pajjiżna, f’din il-viżjoni l-Gvern naqas milli jitkellem dwar iż-żieda fil-popolazzjoni matul is-snin li ġejjin. Huwa saħaq li pajjiżna jinħtieġ viżjoni fit-tul li tiffoka fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantità.
Meta kien qed jitkellem fuq il-proposti tal-Gvern dwar it-trasport, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li, filwaqt li l-Gvern ħareġ jirredikola l-proposta tat-trackless tram li ppropona l-Partit Nazzjonalista, illum il-Gvern Laburista ħareġ bl-istess proposta.
Bernard Grech saħaq li filwaqt li l-Gvern joħloq viżjoni wara l-oħra, dan huwa Gvern li ma għandu l-ebda rieda politika li jwettaq. Dan, saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, deher fin-numru ta’ proposti ta’ dan il-Gvern li baqgħu fuq l-ixkaffa – il-pont bejn Malta u Għawdex, ir-raba’ vapur, il-metrò, l-isptar għas-saħħa mentali u l-isptar f’Għawdex.
Dwar is-saħħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-aħħar żviluppi fil-proċess tal-offerti għat-tkabbir tal-emerġenza u l-bini ta’ sptar akut tas-saħħa mentali. Filwaqt li l-uniku offerta li daħlet hija d-doppju tal-istima tal-Gvern, min ipprova jitfa’ offerta oħra ma setax minħabba li s-sistema ma ħallitux.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Oppożizzjoni se tinsisti li flus il-poplu jintefqu kif suppost u mhux se tippermetti li l-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jinsteraq bħal ma ġara fil-każ tal-Vitals.
//= $special ?>