Knisja Lokali

ĦADD IL-PALM: L-Arċisqof Scicluna jmexxi ċ-ċelebrazzjoni

Bil-fergħat taż-żebbuġ u tal-palm f’idejhom, l-insara madwar id-dinja jfakkru d-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm – ġrajja li tiftaħ it-triq għall-aktar ġimgħa intensiva u qaddisa fil-kalendarju Nisrani: il-Ġimgħa Mqaddsa.

F’Malta, din il-ġurnata tiġi ċċelebrata b’funzjonijiet f’knejjes madwar il-gżejjer kollha. Fosthom, il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta laqa’ b’mod solenni ċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Iċ-ċelebrazzjoni bdiet fuq iz-zuntier bit-tberik tal-friegħi taż-żebbuġ u l-palm, u kompliet b’purċissjoni lejn l-altar, fejn l-assemblea għaddiet minn tberik għal riflessjoni profonda.

Fiċ-ċelebrazzjoni liturġika, flok omelija tradizzjonali, saret il-qari tal-Passjoni skont San Mark. Din ġiet irrakkontata minn tliet vuċijiet distinti, filwaqt li l-kor akkumpanja l-mumenti saljenti bil-kant, f’atmosfera ta’ riflessjoni u silenzju spiritwali

It-tberik tal-palm li jsir f’din il-ġurnata għandu tifsira simbolika qawwija: jagħti ġieħ lill-memorja tal-folol li laqgħu lil Kristu f’Ġerusalemm – iżda wkoll iservi bħala tfakkira li dawk l-istess folol ftit wara talbu għas-salib..

Storikament, iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm tmur lura għall-bidu tas-seklu 4 f’Ġerusalemm, fejn kienet issir proċessjoni b’tberik tal-palmi u kant ta’ salmi. Fis-seklu 9, din il-festa daħlet ukoll fil-Punent, u matul il-Medju Evu kienet tikber f’ċerimonji iktar kbar u kumplessi.