Futbol Sport

Ilejla Replay bl-appuntamenti ta’ kull nhar ta’ Ħadd, Replay Live Score fis-6:55pm u Replay fid-9pm fuq Net Television

Christian Micallef
Christian Micallef

L-għada taċ-ċelebrazzjonijiet minn Valletta FC fit-tmiem ta’ staġun tal-BOV Challenge League, fejn il-Beltin kienu promossi għall-Malta Premier bħala champions, illejla, f’Replay li jixxandar b’mod dirett fid-9pm fuq Net Television, se tingħata ħarsa estensiva lejn dak kollu li ġara f’jum il-presentazzjoni tat-trofew.

Il-mistieden speċjali ta’ Replay se jkun  il-President ta’ Valletta FC, Claudio Grech li fil-presenza tal-mistieden residenti tal-programm Konrad Sultana, se jkun qed iwieġeb għad-domandi ta’ Christian Micallef dwar is-suċċess Belti għal dan l-istaġun, u l-ħidma tal-klabb għall-ġejjieni.

Għall-programm tal-lejla, it-tim tal-produzzjoni ta’ Replay, qed jipprepara programm speċjali li jinkludi filmati taċ-ċelebrazzjonijiet li saru l-bieraħ f’Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta.

Sintendi f’Replay tal-lejla, ma jonqsux is-sorpriżi li minn ġimgħa għall-oħra, b’modi differenti, t-tim tal-programm dejjem jipprepara għal dawk li jsegwu din il-produzzjoni tant popolari sportiva fuq it-televiżjoni ta’ kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija.

F’Replay tal-lejla, se tingħata ukoll ħarsa lejn il-logħob kollu li kelna mid-29 ġurnata tal-Malta Premier, hekk kif b’tliet partiti mit-tmiem tal-Closing Round, Sliema Wanderers issa jinsabu waħedhom fl-ewwel post fil-klassifika ta’ din il-fażi.

Intant, bħal kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija, wieħed ikun jista’ jara l-gowls kollha ta’ tmiem il-ġimgħa, primarjament dawk tal-Malta Premier, permezz ta’ Replay Live Score, li jixxandar qabel Net News tas-7:30pm. Il-verżjoni qasira u konċiża ta’ Replay Live Score, tixxandar fis-6:55pm fuq Net Television.