Minn wirjiet ta’ vari, għal platti bis-smid. Esebizzjonijiet ta’ ċenakli, pitturi, arti sagra, oġġetti marbuta mal-purċissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa; kollha tradizzjonijiet li jarrikkixxu l-kultura u s-sens ta’ devozzjoni assoċjat ma’ dan iż-żmien tas-sena.
Fl-eqqel ta’ dawn il-ġranet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar diversi lokalitajiet u wirjiet li qed jiġu organizzati.
Is-Sibt, iż-żjarat bdew minn Raħal Ġdid, fejn Bernard Grech intlaqa’ fis-Soċjetà Filarmonika Antoine de Paul – Banda Kristu Re. Hawn qed tittella’ l-wirja ‘Salvator Est’ fis-swali tal-istess każin; wirja li tinkludi diversi statwi kbar li jirrakkontaw il-ġrajja tal-passjoni.
Dan apparti xeni tal-istess ġrajja b’figuri jiċċaqalqu, li fihom ħafna dettall u mekkaniżmu.
Wirja oħra li żar f’Raħal Ġdid kienet dik tal-vari artistiċi ta’ Publio Magro, li għadu sett vari magħmula minnu stess.
Minn Raħal Ġdid, il-Kap tal-PN żar ukoll numru ta’ wirjiet f’Ħal Tarxien fejn anke hawn spikkaw il-ħiliet ta’ diversi artisti u dilettanti.
Bernard Grech żar fost l-oħrajn wirja ta’ ċenaklu li qed issir fil-kannierja tal-knisja. U kellu wkoll l-opportunità jara l-preparamenti għall-pageant tal-Ġimgħa Mqaddsa, li fih jipparteċipaw ħafna żgħażagħ u volontieri Tarxiniżi.
Aktar tard, Bernard Grech żar ukoll wirja privata f’din l-istess lokalità.

F’Ħal Tarxien u Raħal Ġdid, Bernard Grech kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, mid-deputat Bernice Bonello, mill-kandidat tal-PN Michael Piccinino, kif ukoll kunsillieri tal-PN Rose Piccinino u Liam Sciberras.
//= $special ?>