Internazzjonali

L-Istati Uniti: Is-smartphones u l-kompjuters eżenti mit-tariffi ta’ Trump

Il-Gvern tal-Istati Uniti ħabbar li s-smartphones u l-kompjuters se jkunu esklużi mit-tariffa bażika ta’ għaxra fil-mija li l-President Amerikan Donald Trump impona jiem ilu għall-pajjiżi tad-dinja…Tariffa  meqjusa bħala politika ‘ta’ tpattija’ għall-pajjiżi li skont Trump ‘kienu ilhom is-snin jieħdu vantaġġ mill-Istati Uniti f’issues relatati mal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti’.

Dan il-pass, fih innifsu, hu sinifikanti għaliex – kuntrarju għal prodotti oħrajn – il-prezzijiet jistgħu jibqgħu l-istess għall-prodotti elettroniċi popolari għall-konsumatur li mhumiex manifatturati fl-Istati  Uniti.

L-avviż mill-Aġenzija Doganali u għall-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti qal li l-eżenzjoni anki qed tappolika għas-sitwazzjoni tat-tariffi-bomba, ekwivalenti għal 145 fil-mija, li Trump impona għall-affarijiet impuratati miċ-Ċina… Eżenzjoni li qed tapplika wkoll għal tagħmir u komponenti elettroniċi oħra bħal semiconductors, solar cells u memory cards.

Id-deċiżjoni ġdida ta’ Trump, sadanittant, se tibbenefika lill-intrapriżi ġganti tat-teknoloġija fl-Istati Uniti u li fosthom hemm l-Apple,…Kumpannija li 90 fil-mija tas-siti għall-produzzjoni tal-iPhones tagħha huma bażati fiċ-Ċina.