Internazzjonali

L-Ukrajna: Dmija għal Ħadd il-Palm…Għexieren ta’ mejtin u midruba waqt l-attakki tar-Russi fuq Sumy

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qed jitlob lill-Punent u l-komunità internazzjonali biex iżidu l-pressjoni fuq ir-Russja bil-għan li ma jkomplux il-massakri ta’ ċivili Ukreni…

Dan wara li nqatlu talanqas 40 persuna, inklużi tfal, meta żewġ missili ballistiċi sparati mill-qawwiet tal-Kremlin niżlu qalb iz-zoni għar-residenti ċivili fil-belt ta’ Sumy, li tinsab lejn il-grigal tal-Ukrajna….Attakk li kellu jseħħ proprju fil-jum ta’ Ħadd il-Palm u li nissel xokk u kundanna madwar id-dinja.

Ix-xeni tal-istraġi kienu kbar, bis-servizzi għall-emerġenzi bilkemm jirnexxilhom ilaħħqu mas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza dovuti għal dan l-attakk li deher intiż biex iħalli l-massimu tal-vittmi ċivili.

Ingħad li l-midruba, fl-attakk, qabżu sew il-mija u li madwar 20 minnhom huma tfal żgħar…Dan waqt li l-President Zelensky u l-Gvern tiegħu ikkundannaw bl-aħrax din l-azzjoni tar-Russi li ħalliet ‘wied ta’ qerda u imwiet’ qalb triq prinċipali ta’ Sumy u f’ħin meta kien hemm numru sinifikanti ta’ nies.

Il-President Zelensky mill-ġdid enfasizza li l-President Russu Vladimir Putin mhux tassew irid il-paċi minkejja li qed jipprova jagħti l-istampa li lest għan-negozjati biex il-konflitt jieqaf.

U fl-ewwel kummenti wara l-attakki fuq Sumy, Zelensky sostna li r-Russja se tkompli ttawwal din il-gwerra jekk il-komunità internazzjonali ma twettaqx l-ogħla livell possibbli tal-pressjoni fuq Moska….Kumment li xi sorsi jemmnu kien immirat ukoll għall-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li qed iservi bħala medjatur f’taħditiet mar-Russi u l-Ukreni.

Qed jingħad ukoll li Trump jinsab irrabjat għall-fatt li r-Russja qed tostakola l-inizjattivi ta’ Washington biex il-ġlied, fl-Ukrajna ma jkomplix.

Il-President Ukren Zelensky qal ukoll li ‘it-Tmexxija f’Moska tinsab konvinta li tista’ tkompli toqtol lill-Ukreni għaż-żmien kollu li trid u mingħajr ma tagħmel il-kontijiet wara’–  bis-servizzi sigrieti tal-Ukrajna, wara, jikkonfermaw li l-missili li wettqu d-dmija kollha f’Sumy kienu tat-tip Iskander-M…Missili li kienu sparati miz-zoni ta’ Voronezh u Kursk, fir-Russja.

Sar magħruf ukoll li l-missili kellhom jolqtu anki xi territorji Ukreni li qed jidhru li se jkunu mira għal offensiva kbira mill-qawwiet tar-Russja – bl-attakki fuq Sumy mistennija jkomplu matul il-jiem li ġejjin,

Iż-żmien tal-attakk fuq Sumy anki qed iħasseb lill-osservaturi peress li dan kellu jseħħ jumejn biss wara li l-President Putin kellu l-laqgħat, f’San Pietruburgu, mar-Rappreżentant Spejali tal-Istati Uniti, Steve Witkoff….Laqgħat li ffukaw fuq’diversi aspetti ta’ ftehim potenzjali għall-konflitt tal-Ukrajna li ilu għaddej minn Frar tal-2022.

Sadanittant, għad mhemm l-ebda qbil uffiċjali, bejn l-Ukrajna u l-Istati Uniti, rigward ftehim potenzjali dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-artijiet tal-Ukreni u li għandu jirriżulta f’investiment dirett min-naħa tal-Amerikani…Dan bi skambju mal-għajnuna militari ‘kontinwa’ ta’ Washington lill-Ukreni biex huma jiddefendu l-sovranità ta’ pajjiżhom.

Intant, ir-Russja għadha qed tinsisti biex il-Punent jaċċetta l-okkupazzjoni permanenti ta’ erba’ provinċji tal-Ukrajna mit-truppi tagħha — u biex it-Tmexxija fi Kiev tkun ikkundizzjnata minn dak li jixtieq il-Kremlin……Kundizzjonijiet li Moska qed tinsisti dwarhom biex tagħmel il-parti tagħha għall-paċi.