Il-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, komplew bil-fażi ġdida tal-offensiva fuq it-terroristi tal-Ħamas …Dan waqt li l-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani qerdu parti mill-Isptar ta’ Al-Ahli li, fil-fatt, hu l-aħħar sptar li għadu jiffunzjona kif suppost fil-Belt ta’ Gaza
Qed jingħad li l-missili li kienu sparati qerdu, fost oħrajn, id-dipartimenti tal-isptar għall-kirurġija flimkien mat-taqsima għall-kura intensiva – bil-filmati juru fjammi kbar u dħaħen kbar telgħin minn parti ċentrali tal-kumpless.
L-attakk qajjem kaos u pandemonju kbir, bil-ħaddiema tal-isptar jagħmlu l-almu biex ibiegħdu lill-pazjenti mill-periklu …Ħarġu wkoll il-filmati tal-membri tal-istaff waqt li huma kienu qed joħorġu lill-pazjenti fis-sodod mis-sezzjoni tal-isptar li ġarrbet l-agħar impatt tal-azzjoni.
Intant, il-kelliema għall-Qawwa tad-Difiża Iżraeljana qalu li l-ajruplani miraw għall-isptar għaliex it-terroristi tal-Ħamas kienu qed jużaw il-kumpless bħala ċentru ta’ kmand u minfejn huma wkoll, allegatament, kienu qed jikkoordinaw il-kontra-attakki fuq it-truppi Iżraeljani f’Gaza.
Il-kriżi umanitarja għall-Palestinjani f’Gaza aktar, kulma jmur, qed tiżdied — madankollu, is-servizzi għall-emerġenzi ċivili f’Gaza qalu li ma rriżultaw l-ebda vittmi waqt l-attakk fuq l-isptar.
//= $special ?>